Tifkiriet ta' Milied Imgħoddi
Missieri kien jeħodna miegħu għall-festin li kien jorganizza għat-tfal tal-klassi. Kien ikun ilu jipprepara minn żmien qabel. Kien jagħmel il-marshmallows, id-doughnuts, il-coconut balls, u l-ġeli. Kien jordna l-pastizzi u l-pizza mingħand il-pastizzar, iħallat it-togħma tal-larinġ mal-ilma u jlestilhom il-logħob. Kien ukoll jixtri rigal lil kull wieħed u waħda minnhom u magħhom kien jixtri għalina wkoll. Dejjem ktieb kien jagħtihom, u kien jagħmel mezz li jiktbilhom dedika fuq kull wieħed. Għad għandi kopji mqassra tal-istejjer ta' "Robinson Crusoe" u "The Last of the Mohicans" li kienu messew lili bix-xorti.
Jien kont għadni żgħira u għalhekk ma kienx iħallini ninżel fil-bitħa mal-oħrajn għax kien jibża' li nweġġa'. Id-darba li m'obdejtx u nżilt warajhom filfatt, qlajt stampatura ta' ballun tal-futbol hekk kif meddejt l-ewwel pass fil-bitħa. Minn dakinhar, wara bikja ta' qsim il-qalb, missieri beda jħallini fil-klassi b'kaxxa ġibs għall-kumpanija u kont inpenġilu xi ħaġa tal-Milied fuq il-lavanja.
Dak iż-żmien kien jgħallem tfal ġejjin minn familji finanzjarjament modesti. Kien hemm uħud li kienu aktar modesti minn oħrajn, biss xorta kollha kienu jagħtuh tifkira tal-Milied. Ġeneralment kien jaqla' biżżejjed ċikkulatini biex iservuna mqar sitt xhur. Kont issib min kien jazzarda jagħtih bott fwieħa minflok, biss l-aktar rigal li qatt ma jista' jinsa żgur li huwa dak il-basket tal-idejn imgeżwer f'gazzetta li kienet tatu tifla, li mal-familja tagħha x-xorti kienet ħafna inqas ħanina milli ma' tagħna. Missieri għadu jsemmih sal-lum dak ir-rigal...
Il-jiem sal-Milied kienu jkunu ftit, imma ta' tfal li konna, konna narawhom ħafna. Kien ikollna ġenn sħiħ sa ma jasal dak il-jum tant mistenni. Ftit konna nagħtu kas li dakinhar konna nkunu qegħdin niċċelebraw it-twelid tal-Bambin. Għalina kienet sempliċement okkażjoni fejn il-ġenituri kienu jillaxkaw idejhom (u jiftħu l-portmoni) u jixtrulna dak il-ġugarell li konna nkunu ilna neqirdu għalih sena.
Konna mmorru kollna bi ħġarna għand in-nanniet, anki jekk il-lejl ta' qabel, aqta' dik in-nagħsa ħelwa waqt il-quddiesa ta' nofs il-lejl, bilkemm konna nkunu rqadna. Konna nixxalaw inħarsu lejn dik il-mejda mimlija ikel li missieri u ħutu kollha kienu jieħdu ħsieb jippreparaw bejniethom. In-nannu kien jipprovdi d-dundjan (li kien isajjar missieri), kien jipprepara l-krema tal-custard għal mal-pruna u l-kejk tal-Milied, u kien jixtri kemm Alla ħalaq sauces mingħand il-"Queens Store" ta' Triq il-Merkanti. "Mango Chutney", "Thousand Island Dressing", mustarda, "Cranberry Sauce" - semmi u kien ikun hemm. Magħhom kien ikollna koxox tal-majjal sħaħ, laħmijiet, prieżet, ġobnijiet, frott u ħelu għal kulħadd. Wara l-ikel, in-nisa kollha kienu jagħtu daqqa t'id lin-nanna fil-ħasil tal-platti u l-iżbarazzar, u n-nannu kien ilestilna l-kaxxi bil-fdalijiet tal-ikel għall-għada.
Imbagħad kienet tasal il-parti tant mistennija minna t-tfal. In-nannu kien jersaq lejn il-muntanja tar-rigali (għax kulħadd kien iġibhom hemm) u waħda waħda u wieħed wieħed, kien isejħilna biex immorru għar-rigal. Konna niftħuhom bil-ġenn, inqattgħu l-karti qisna mġewħin u, kollna bi tbissima minn widna sa widna, inqabblu r-rigali flimkien. Ħadd ma kien igerger għax, kumbinazzjoni, kulħadd kien jaqla' dak li dejjem xtaq, u b'ċertu sens ta' kburija, konna nuruhom lil xulxin mingħajr ma nixtiequ ta' ħaddieħor.
Illum li kbirna forsi nifhmu aktar xi jfisser il-Milied, u nifhmu li t-tifsira tal-Milied ma ddurx mal-festini u mar-rigali. Imma ejja nammettu lkoll li b'dawn l-affarijiet, meta tkun tfal, il-Milied jaf ikun l-isbaħ żmien tas-sena li b'xi mod jiffurmana u jħalli fina tifkiriet sbieħ u romantiċi ta' żmien mibki li qatt ma jiġi lura, ħlief forsi b'xi mod fl-esperjenzi li nibnu flimkien ma' u għal uliedna.
Proof-reading: Salvu Werwer
No comments:
Post a Comment