Monday, October 29, 2012

Jelly Babies - RIP






Jaqq dak il-qattus, kemm nitqażżeż ostra!
Kull meta nara wieħed nirringrazzja ’l Alla li ma tajjartux jien. Nibda nimmaġina d-dmijja u l-biċċiet tal-imsaren u intern mat-tajers u mal-karozza u kważi kważi jtini li nirremetti.
Anki issa li qed nimmaġina ... aħjar ma naħseb xejn ara, għax veru tiela’ l-istonku. Jien ġa qiegħda sew ...
L-agħar meta tidħol sew ir-rigor mortis, u jintefaħ. Ikollu saqajh mgħollijin stirati ’l fuq, u minn taħt il-għajn ikun qisu ċirimella mitluqa f’nofs triq. Imma veru aħjar nibdel il-ħsieb għax ġa qed inħoss qrusa fi griżmejja ...
... Mhux għax haw’ wisq biex tedha, haw’.
Dejjem l-istess ostra, kieku jħallu naqra magażin sura. Qas ħaqq qgħadt niġi qabel, biex mingħalija neħles kmieni... ĦAĦAĦA – neħles kmieni!! Illallu, tajba din! Lil min nista’ ngħidha, li japprezzaha, tgħid? Nadia, forsi. Avolja, dik taf iddum biex tifhimha. U jekk ċajta tipprova tfehemha, titlef kull preġju. Neqsin xi ħaġa mis-sens tal-umoriżmu n-nies. Jew inkella neqsin mill-intelliġenza. Hekk issibhom. Jew waħda, jew l-oħra. L-agħar meta jinzertaw it-tnejn f’daqqa, imma. Hemmhekk bla tama mbagħad.
U ejjjjjaaaa uff kemm se ndum nistenna?! Tertiq il-qalb.
Qisni dieħla għal eżami. Kollu dak l-ostra brainwashing – xi ftit jew wisq jikkondizzjonak. Għax għall-brainwashing, hemmhekk l-ewwel nieħdu, minn daqshekk. Kulħadd pur, u kulħadd jiskonġra. Ara min iż-żobb irid jitkellem! Imma jriduha tal-liberali u moħħhom miftuħ, għax meta l-Knisja kienet tgħid li dnub mejjet jekk iġġerrih, kienu jgħidu li antikwata u trid timxi maż-żmien. U żgur. Ma qabilx għal widnejhom ...
Isma’, nista’ nkun naf xi l-alleċ qed tiekol dil-ostra receptionist, x’jinten jaqq! Bil-furketta qed tiekol. Minn taħt. Donnha insalata ... imma ostra trejjaħ xi ħaġa qiegħda! Riħa ta’ ħut! Jien qiegħda sew, dan jonqosni! Imma mhux tonn taż-żejt ...
Inċova, ċuples! Mhux ta’ b’xejn tinten! JAQQ! Q! Q! Q! Aħjar ma nħarisx, għax jekk nara xi biċċa mal-furketta, hemm żgur nirremetti.
Brownies. Aħjar naħseb fil-brownies forsi ndawwar ħsiebi.
Qattathiex biċċiet żgħar ukoll?
Il-qattus, tgħid xi jsir minnu? Jiġi ppressat mill-karozzi fit-tarmak, eventwalment.
Ikun qisu felul ibbuzzat u peluż ...
Tgħid meta nimxu, inkunu qed ngħaffġu fuq ħafna biċċiet ta’ qtates, ġrieden u klieb li nqatlu tul is-snin?
Qed inħossu tiela’, xi qrusa, żgur mhux se nżommu, tiela’, dawwar il-ħsieb għax daqshekk għamilt ...
Jelly Babies!
Kienet tixtrihomli n-nanna ġieli, mingħand Ċali tal-grocer wara l-quddies tas-sebgħa. Ħeħ. Kemm ilni ma naħseb fil-jelly babies!
Kont kważi nsejt li qatt eżistew. Kien ikun hemm wieħed kulur ħamrani, il-favorit.
(Għall-erwieħ, hekk aħjar)
L-abjad kont nistħajlu togħma ta’ lewż morr. Jew l-abjad kien ikun ma’ dawk li kienet tixtrili ommi, bl-użin mis-suq tar-Rabat? It-togħma tagħhom kienet differenti, imma. U avolja kienu eżatt qishom il-jelly babies propja, jien kont nagħrafhom minn seba’ mili bogħod.
Il-ħodor kont inħallihom għall-aħħar, għax ifakkruni fit-togħma tal-menta u dik iddejjaqni.
Is-suwed kont inwarrabhom u ntihom lil missieri, għax kont nistkerrahhom. Kieku xi ħadd qed jismagħni ngħid hekk, żguuuur jgħidli li dak għax subkonxjament razzista ħaħa.
Kont nistħajjel qisu se jkollhom togħma ta’ mazzit. Kienu jkunu qishom mimlijin demm magħqud. Ċappa demm magħqud lesta biex tinfaqa’ f’ħalqi ... Jaqq, se nerġa’ – naħseb fil-moqżiżati...da’ x’daħal fija llum?!
Upppaaaaa!!! Naħseb se jmissni issa ... qalbi qiegħda ttanbar f’rasi! Tlaqna, rodd salib ...

***

Kif noħroġ mill-bieb għal fuq il-bankina rrid niftakar inħares biss lejn in-naħa tal-ħajt, ħalli ma nerġax nara dak il-qattus.
Issa!
Mela One. Two. Three. Four. Five. Six. Seven. Eight ... naħseb qbiżtu issa. Iva! Għall-erwieħ!
Għall-erwieħ, għall-erwieħ, għall-erwieħ!
Daqt nibki bil-ferħ!
Għandi aptit naqbad inkanta ngħajjat, nidħaq wahdi qisni miġnuna. X’ħa nkanta, x’ħa nkanta?!
Qed inħossni qisni f’dellirju, qisni rrid nibki, qisni tletin kilo eħfef!
Kieku nista’, nitlaq niġri b’idejja miftuħin beraħ u nwerżaq sa ma naqta’ nifsi!
Qed inħossni nista’!
Qed inħossni Alla!
Qed inħossni ... Qed inħossni ... iva, naf x’qed inħossni ...
Qed inħossni raġel ...!

No comments:

Post a Comment