Monday, October 29, 2012

Tajbin ... Ghal Maltin - Is-Syd

Tajbin ... Ghal Maltin

B’kittieba ġodda bħal Ġuże Stagno u Pierre Mejlak, il-litteratura Maltija qed terġa' tieħu r-ruħ wara qerda papali minn taħt idejn nies bhal Anton Grasso u Ġino Lombardi. L-istess jista jingħad għall-mużika, meta sa fl-aħħar qed ninqatgħu mill-fissazzjoni tal-opri u tal-ballads u bdejna nisimgħu minn nies li għandhom xi ħaġa ġdida x’joffru. Għat-teledrammi għadu ma jidhirx li hemm tama, u lanqas għan-nofs kedda ta’ stazzjonijiet tat-televixin u tar-radjijiet Maltin. 

Pero jibqa’ l-fatt li ħafna nies qishom qed jaċċettaw dawn ‘in-nofs keddittajiet’ sempliċement għax l-artisti huma Maltin. “Rajtu Qerq? Tajjeb għal film Malti taf!” X’jiġifieri tajjeb għax Malti? Jew tajjeb, jew mhux! L-istess għall-kummentaturi tal-isports u l-ġurnaliżmu. Ton perpetwalment monotonu psewdoprofessjonali... imma ma jimpurtax! “Taf xiex? Jikkummenta tajjeb... għal kummentatur Malti.”

Tibqa' fuq l-istess stazzjon, u titla' d-diska ta’ Chiara. “X’leħen għandha! Togħġobni kif tkanta! Kantanta tajba... għal Maltija!” Anke d-dixxendenti ta’ Apollo, il-Wintermoods “tajbin”. Il-kunċerti tagħhom dejjem mimlija nies ikunu u l-diski tagħhom dejjem jinbiegħu. Għax tajbin “għal Maltin”.

U huwa dan il-fatt li fl-opinjoni tiegħi qiegħed iżomm il-kultura Maltija. Il-kotba Maltin mhumiex jagħtuholmna b’xejn. Naħseb li Leroy l-Eroj! qatt ma ħareġ iqassmu b’xejn fit-toroq Ġino Lombardi. Lanqas rajt lill-Wintermoods iqassmu l-albums u l-biljetti għall-kunċerti tagħhom b’xejn. U jekk għal KCma nħallsux direttament, jogħġobna jew ma jogħġobniex, Eileen Montesin et al hemm fuq it-TV kull nhar ta’ Ħadd filgħaxija. Huwa veru li l-għażla ta’ x’naraw u x’ma narawx hija suġġettiva, imma jibqa' l-fatt li mhux tajjeb li ilna naraw lill-istess persuna għal aktar minn għaxar snin kull nhar ta’ Ħadd filgħaxija fuq l-istazzjon li nikkontribwixxu għalih aħna. U jekk ma tiddejjaqx tara KC fil-Ħdud, ma taħsibx li wara dawn is-snin kollha kien hemm lok għal varjetà? Għandu mnejn li xi ħaġa ġdida kienet tkun togħġbok aktar milli jogħġbok ix-xogħol ta’ Eileen Montesin.

Qisu għal mument kulħadd ħarablu l-fatt li l-artisti Maltin qatt ma rnexxielhom jaslu mkien. La qatt rebħu l-famuż Eurovision u lanqas jidher li hemm xi artist Malti li rebaħ diski tad-deheb. Ma tistax tgħid li x-xena lokali hija preparatorja għall-artisti Maltin biex xi darba jirnexxu ghax dawk il-ftit Maltin li rnexxew, ma bdewx minn Malta, iżda ħarġu barra minn Malta mal-ewwel.

Niċċara. M'iniex ngħid li hemm xi saħta fuq il-pajjiż. Li rrid ngħid huwa li għandna bżonn inkunu aktar selettivi f’dak li nixtru u nfaħħru. Li aħna ngħixu f’pajjiż żgħir ma jfissirx li għandna nikkuntentaw ruħna bi prodotti ta’ kwalità baxxa. Jekk jogħġbok l-album ta’ Niki Gravino, ixtrih u għid li jogħġbok mhux għax Niki Gravino and the Vile Bodies huma Maltin, iżda għax meta xtrajt l-album tagħhom deherlek li ma rmejtx flusek. U jekk il-lingwaġġ ta’ Ġuże Stagno dejqek, tgħidx li Ġuże Stagno jaf jikteb għal awtur Malti progressiv. Għall-ktieb ta' Ġużè Stagno ħallast int, u għaldaqstant għandek kull dritt tikkritikah. Jekk imbagħad għoġbok, għid li huwa tajjeb u żżid xejn aktar. Malti jew mhux m’għandu x’jaqsam xejn mal-kwalità ta’ dak li qrajt, rajt jew smajt. Jekk xtrajt ktieb, dak il-ktieb huwa tiegħek u għandek dritt, jekk mhux dmir, li tmaqdru jew tfaħħru kemm trid u kemm jogħġbok. Jekk Eileen Montesin, Peppi Azzopardi, Mark Doneo u Zoo ddejqu bil-kritika tiegħek, problema tagħhom, għax jekk ma kinux ċerti minn dak li kienu qed jagħmlu ma kienx imisshom ħarġu xogħolhom għall-bejgħ. Il-flus minn fuqek u fuqi qed jagħmluhom, u għaldaqstant jiena u int għandna dritt sagrosant li nirrispondu għal dak li nieħdu.

Il-ħabi ħallih għal min hu mħallas biex jigdeb. Int x’titlef għandek, mhux x’tirbaħ, jekk tfaħħar xi ħaġa li ħallast għaliha u m’għoġbitekx.

No comments:

Post a Comment