Monday, October 29, 2012
Intervista ta' Jean Gove ma' Donovan Gatt
Jean: Tagħtini l-impressjoni li mħarreġ ftit fil-kitba, Donovan. Kemm ilek interessat fil-kitba u x'awturi tħoss li influwenzawk? Għandek xi metodu speċifiku kif tikteb?
Donovan: Minn dejjem kont inħażżeż xi ħaġa. Bdejt bil-poeżija u mill-poeżija bilġri spuntat in-novella. Fil-każ tiegħi ma ngħidx li l-kitba hi interess. Il-qari huwa l-interess prinċipali u l-kitba mhi xejn għajr frott l-interess li għandi fil-qari. Naħseb li l-kittieb għandu jkun primarjament qarrej — ma tistax tifred il-kittieb mill-qarrej għax tkun qed tifred il-pittur mill-pinzell.
Jien naqra ħafna l-ġeneru ta’ true crime għax il-makabru u l-morbuż fihom faxxinu stramb li jġiegħel tfexfex l-adrenalina ta’ moħħi. Naħseb li l-kotba favoriti tiegħi huma The Cement Gardenta’ Ian McEwan, kif ukoll In Cold Blood ta’ Truman Capote. Iżda, naħseb li l-aktar awtur li ħalla timbru psikoloġiku fuqi kien Guy de Maupassant. Fl-istejjer tiegħu il-makabrità tilħaq qċaċet kolossali. Qed nirreferi għal novelli bħal Sur l’Eau ﴾Fuq il-Baħar﴿ u La Mère Sauvage ﴾L-Omm Selvaġġa﴿. Imbagħad f’daqqa waħda Maupassant jbikkik bil-fraġilità solenni, kważi sagra, ta’ ċertu mumenti. Huma f’dawn il-mumenti fejn naħseb li jimraħ ħieles il-kobor tan-narrativa ta’ Maupassant u huma propju dawn il-bozoz divini u katartiċi ta’ fidwa li għandu jistinka għalihom l-awtur debuttant mixħut fuq suġġetti makabri: Toine mixħut f’qiegħ ta’ sodda, martu — imxebbgħa bl-inutilità ta’ żewġha, Toine — tpoġġilu l-bajd taħt aptu biex tal-anqas jagħmel xi ħaġa ta’ ġid; Toine jħossu missier meta jibdew ifaqqsu l-flieles.
Naħseb li waħda min-novelli tiegħi f’Six-pack u Sonża, Xuxet il-Bejta għandha din l-idea ta’ maternità u/jew paternità indiretta: in-nanna li llum ħallietna tħossha mill-ġdid omm meta l-iswed sfiq ta’ xagħarha rtukkat jispiċċa bejta għal-laħam tari tal-kanarini. Albert Camus, il-profeta tal-assurd, ukoll naħseb li ċappasli l-kitba tiegħi. Karattru bħal Mersault f'L' Etranger li huwa indifferenti għal kollox ma jistax iħalli lill-qarrej-kittieb indifferenti għal kollox.
Ma ngħidx li nista’ nipponta lejn xi strateġija fissa li dejjem nuża f’kitbieti, nista’ ngħid biss li l-ippjannar ta’ qabel ma nibda nikteb huwa metikoluż għall-aħħar. Il-ħsibijiet ikunu diġà moħmija, it-temi diġà mfassla — ma nħossnix komdu nibda nikteb jekk il-ħsibijiet ikunu għadhom nofs sajran.
Jean: L-ewwel ħaġa li laqtitli għajni fil-ġabra ta' novelli Sixpack u Sonża hija l-proża, u forsi n-natura frammentata tan-narrativa. Il-proża m'iniex se nsejħilha mirquma, għax l-isbaħ ħaġa dwarha tista' tkun ukoll dgħjufija. Hija proża sinjura immens, u kultant tagħtini l-impressjoni li mgħobbija ż-żejjed. Però, fl-istess ħin hija proża ritmika ferm u li ġġiegħlek tiġri. Kellek xi influwenzi partikulari biex żviluppajt din il-proża jew hija xi ħaġa li tiġik naturali u torqomha?
Donovan: Iva, xi kultant anki jien inħoss li l-idjoma hi magħġuna ż-żejjed u li stajt nikteb b’inqas sforz, imma mhux b’inqas impenn. Nammetti li l-lapes irrid nittemprah aktar ta’ spiss u nagħmel ftit aktar użu mill-gomma. Nemmen li kitba impenjattiva mhix sinonima ma’ kitba mtaqqla b’aġġettivi u avverbji wieħed wara l-ieħor. Madankollu, nitwerwer mill-kelma ‘sempliċità’. Jekk qarrej qed ifittex biss is-sempliċità jkun jaqbillu jiftaħ ktieb tar-riċetti fejn l-istruzzjonijiet huma ċari u fejn l-istampa tal-kejk lest tippreparak mentalment għat-tmiem tal-proċess li inti tkun miexi lejh. Jekk tieħu lil Gerard Durell u tiftaħ għal għarrieda paġna minn My Family and Other Animals tintebaħ li sakemm tasal sal-aħħar tal-paġna jkollok tieqaf u tieħu n-nifs għax in-nisġa tal-kliem, kif ukoll it-tiżwiqa tal-metafora, tant huma kumplessi li jgħajjuk. Iżda fl-aħħar tal-paġna ma tistax ma tammirax ukoll is-seħer siefel u l-maġija tal-kitba ta’ Durell, li l-ebda aġġettiv ma kien żejjed jew superfluwu; l-ebda sentenza maħduma ż-żejjed; ilkoll għenu biex isawru idjoma qawwija u idjoskinkratika li bħall-Pied Piper ta’ Hamelin taljenana bil-kwalitajiet inkantatriċi tagħha. Jekk imbagħad wieħed jaqra lil Honoré de Balzac, allura dak li qed ngħid jien jidher aktar ċar.
Jean: Fl-istejjer hemm ħafna titwiliet lejn kultura pop Maltija, bħall-ħsus fuq l-interdett, Anġelik u Ġiġa, però, anki affarijiet li huma parti mill-ħajja ta' kuljum tal-Maltin u anki l-lingwa li tintuża. Sinċerament inti bħala żagħżugħ, u anki għax jien personalment inħossni kemxejn maqtugħ minn ħsus b'saħħithom għall-kultura pop Maltija, dawn it-titwiliet tislithom minn esperjenza jew minn riċerka?
Donovan: Missieri naħseb li jaħti. Naħseb li f’ħafna mill-istejjer hemm dellu. Kien hu li kien iqatta’ s-sigħat jirrakkontali fuq dik il-mara t-twajba bid-dmugħ iċajpar ‘l għajnejha, li mweġġgħa meta l-kappillan ma berkilhiex, toħroġ b’barmil tal-landa, taħfen ponn ilma u ċċarċru mal-faċċata tad-dar u tgħajjat, “La ma beriktlix inbierek jien sur kappillan.” Minn dan l-aneddotu twieldet in-novella Għerqet l-Għaraq taż-Żejt taż-Żebbuġa. Kien missieri li qalli li, sal-ġurnata mqaddsa tal-lum, għadu jiftakar lilu u lil ħutu jistennew bil-ħerqa lil missieru jasal bil-gazzetta taħt aptu u lil missieru jgħid lil ommu baxx baxx biex ma jisimgħux ħutu ż-żgħar, li lil Ġiġa qatgħuhielha għall-mewt bil-forka. Niftakar ukoll lin-nanna min-naħa t’ommi darba tgħidli li kienet għamlet żmien twil tibża’ tinżel fil-kantina weħidha biex tagħsar l-inbid meta sar magħruf it-tbiċċir taċ-ċkejkunu Twannie Aquilina li fih kulħadd ra ibnu, ħuħ, ħabib. Anġelik hu ċelebrità aktar kontemporanja li ħasel sab ruħu f’novella kemxejn umoristika.
Jean: Ħaġa oħra li nnutajt hekk kif bdejt inqarreb lejn it-tmiem kienet in-nuqqas ta' karattri li tista' tissimpatizza magħhom. Tista' tgħid kollha kemm huma karattri ta' min jistmerrhom, u hija xi ħaġa li nara maturità fiha, u nammiraha. Hemm xi raġuni wara din il-karatterizzazzjoni?
Donovan: L-antieroj li jabita fin-novelli tiegħi ma tantx iħalli lok għas-simpatija. Il-kannibalu, l-isqof Niġerjan, is-saċerdot-pedoflu u l-għalliem li sar fabbrika tal-privat ilkoll huma karattri krudi bla ebda dilka lostru u li jġegħluk titfewwaq id-dwejjaq. Jien bniedem pożittiv immens, nafda ħafna u ż-żejjed f’dawk ta’ madwari. Iżda xi kultant il-pinna f’idejja bħal tieħu n-nar u nsib ruħi nagħġen karattri li jeċitaw biss l-istmerrija tal-qarrej. L-inġustizzji fuq iż-żgħir u l-weġgħat f'qalb il-fqir jirxuxtaw fija korla kbira. Is-saċerdot-pedoflu u l-isqof Niġerjan irejxu b’sunnara tleqq fl-ibħra tal-innoċenza , l-edukatur tal-fażola li jipprietka edukazzjoni olistika u inklussiva medhi jagħti l-privat lil min jiflaħ iħallas, il-professur li ma jaċċettax ħlas bin-nifs għax nifsijiet wisq il-pazjenti tiegħu morda bil-kanċer ma fadlilhomx. Lil dawn il-karattri nħoss il-ħtieġa li nsammarhom bil-kitba. Sfortunament mal-ħażin dejjem ilaqqatha xi ftit jew wisq it-tajjeb ukoll.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment