Mark Camilleri, awtur ta'Prima Facie
L-awtur, Mark Camilleri - ritratt ta' Kenneth Borg
Mark, kulħadd jinstab ħerqan, jistenna l-ewwel ktieb tiegħek. Kif qed tħossok int?
L-ewwel nett nixtieq nirringrazzjakom minn qiegħ qalbi tal-opportunità li għoġobkom tagħtuni għal din l-intervista. Issa li l-ġranet qed igerbu u ż-żmien dieħel u l-marketing promozzjonali tal-ktieb laħaq il-quċċata u l-pubblikazzjoni tal-ktieb qiegħda wara l-bieb, l-eċċitament qed jagħmel tiegħu ġmielu. Hija ħolma ta’ ħajti li dalwaqt issir realtà. Hija ħolma li ħa sseħħ grazzi għall-fiduċja KBIRA li wrew fija l-Merlin Library sa mill-bidu.
X'ser tgħidilna fuq dan il-ktieb il-ġdid tiegħek li ser jitnieda dalwaqt u li ser ikun ippubblikat mill-Merlin Library?
Il-ktieb jismu Prima Facie li hija terminu użat regolarment mill-avukati fil-Qrati u li litteralment ifisser “mad-daqqa t’għajn” — u huwa rumanz polizjesk. Thriller li jdur madwar qtil brutali f’raħal żgħir minn qattiel mhux komuni. U għalhekk tibda sfida oħra għall-Ispettur Victor Gallo li huwa l-Kap tat-Taqsima tal-Omiċidji.
Il-qoxra ta' Prima Facie - disinn ta' Pierre Portelli
X'ħajrek tikteb? Ilek tħossha ġo fik il-ħajra għall-kitba? Forsi kienet xewqa siekta li fl-aħħar saret realtà?
Bdejt inħażżeż u nħarbex l-ewwel versi fi żmien il-Junior College. Poeżiji ta’ ribelljoni u ta’ diżappunti fl-imħabba. Xejn ta’ barra minn hawn. Imbagħad maż-żmien tajtha l-ġenb u ħassejtni iżjed komdu nikteb novelli qosra (darba kultant) dwar sitwazzjonijiet differenti li jgħaddi minnhom il-bniedem. Ħassejt il-qawwa tal-pinna. Safrattant kont bdejt naqra ħafna kotba fil-ġeneru polizjesk u din id-dinja fetħitli ħafna twieqi. Irrealizzajt kemm f’pajjiżna dan il-ġeneru ma ġiex sfruttat — taqta’ mill-mibki Pawlu Xuereb, lejn l-aħħar tas-Snin Sittin u l-bidu tas-Snin Sebgħin, u wieħed minn Patri Born li kien pjuttost komiku — u kemm għandu potenzjal enormi. Xtaqt naqta’ mir-rutina tedjanti ta’ kuljum. U kif ġa għedt il-ħolma minn mindu kont tifel kienet li xi darba mqar nippubblika ktieb. Li kellu jkun thriller? Dik żgur li le!
Għadni kif qrajt l-ewwel "avventura" tiegħek fid-dinja tal-kitba — Gallo — li ġiet ippublikata bħala parti mill-kollezzjoni letterarja, 45. X'kien l-iskop wara din l-istorja?
In-novella Gallo kienet intiża preċiżament biex tintroduċi mal-qarrejja kemm lill-karattru prinċipali, l-Ispettur Victor Gallo, li ħa jerġa’ jidher f’Prima Facie u kemm l-istil ta’ kitba tiegħi. Jien nemmen, bis-saħħa, li l-qarrejja ta’ dan il-ġeneru jfittxu stejjer li faċilment jirrelataw magħhom u li bħalhom tara kull xħin tiftaħ għajnejk kemm fuq it-tv u l-internet. Il-ħażen jinsab mas-saqajn kullimkien. F’dawn l-aħħar żewġ sekli f’pajjiżna seħħew għadd kbir u differenti ta’ delitti. Il-poplu mhux indifferenti għal dawn l-affarijiet.
Meta wieħed ikun qed jaqra l-istejjer tiegħek (nammetti li issa qrajt iktar minn waħda) iħoss li hemm element ta' namra mal-lingwa Maltija. Donnu wieħed jista' jħossok tagħżel il-kliem b'imħabba biex toħroġ l-isbuħija ta' lingwa li xi drabi hija kkalpestata, sfortunatament ġieli anke mill-Maltin stess. Xi tgħid dwar dan?
Jekk issaqsini, "Meta kont l-iskola liema suġġett minn dejjem l-iżjed kien għal qalbek?" - bla tlaqliq inwieġbek il-Malti. Sabiħ wisq! Il-poeżiji t’Oliver Friġġieri, Karmenu Vassallo u Rużar Briffa u Dun Karm. U għan-numru mdaqqas ta’ rumanzi mill-aqwa li nkitbu, xi ngħidu? U hija ħasra li xi kultant nkunu aħna stess li nagħtu bis-sieq lil-lingwa Maltija. Forsi l-għażla tal-kitba bil-Malti kienet ir-rispons tas-subkonxju tiegħi biex ngħożż ilsien pajjiżi. Xtaqt nagħlaq dil-mistoqsija fuq nota pożittiva billi ngħid li llum il-ġurnata r-rata t’awturi Maltin emerġenti hija pożittiva ferm u din timlieni b’kuraġġ għal futur dejjem aħjar għal-letteratura Maltija.
Minn fejn iġġib il-karattri għall-kitba tiegħek? Kif tibni karattru li jinħass ħaj tant li l-qarrej kważi jħoss li jafu?
Il-karattri huma taħlita, composites, tal-ħafna nies li ltqajt magħhom matul il-perkors ta’ ħajti. Il-karattri jkellmuk. Min mod u min ieħor. Kollha jinfluwenzawk u jħallu impatt fuqek. Apparti minn hekk jien nixrob ħafna minn dak li jkun għaddej madwari — persunaġġi, xenarji, konversazzjonijiet u via dicendo. Wieħed mill-karattri sekondarji f’Prima Facie ħbatt miegħu jien u għaddej minn Triq ir-Repubblika u baqa’ stampat f’moħħi sakemm erġajt tajtu l-ħajja fil-ktieb.
Min hu jew hi l-iktar awtur Malti li qatt ispirak? Forsi hemm iktar minn wieħed?
Prinċipalment tnejn. Trevor Żahra u Alfred Sant. Jien litteralment trabbejt fid-dinja immaġinattiva ta’ Żahra: minn ġo xelter mimli kaxxi tal-wiski bil-kuntrabandu għal ċpar maġiku li jieħdok fi żmien il-Franċiżi, għal villa b’kappella fil-konfini ta’ Wied il-Għajn għal belt maħluqa mill-ġobon! Id-dettalji tiegħu kienu jassorbuni. U meta bdejt niskopri r-rumanzi tiegħu għall-adulti, ntbaħt kemm hu awtur kbir u kapaċi jiddiversifika. L-ammirazzjoni lejh hija bla qies. Mill-banda l-oħra, Sant nqisu awtur kbir u uniku - forsi l-ikbar fil-letteratura kontemporanja Maltija - għaliex il-ħila li biha jħaddem il-Malti mingħajr ma jkun pedantiku u patronizzanti hija tal-għaġeb. L-Għalqa tal-Iskarjota huwa xhieda ta’ dak li qed ngħid. U għalhekk lit-tnejn ninżagħlhom umilment il-kappell.
Ispirazzjoni minn kittieba barranin?
Din mistoqsija kemmxejn diffiċli għaliex kittieb għandu bżonn jaqra ħafna biex jikteb u lili l-kittieba tajbin kollha ħallew impatt fuqi — min ħafna u min ftit. Chuck Palahniuk, Bret Easton Ellis, Gabriel Garcia Marquez, Graham Greene, George Orwell, Agatha Christie, Cormac McCarthy, P.D. James qed jiġuni f’moħħi bħalissa. Imma l-ikbar ispirazzjoni ġejja, mingħajr dubju, minn erba’ crime writers li ffurmawni għall-kittieb li jien illum. Andrea Camilleri, Ian Rankin, Arnaldur Indridason u Manuel Vazquez Montalban fl-ebda ordni partikolari. Għalkemm ikolli nistqarr li Camilleri (u mhux għax kunjomi bħal tiegħu!) huwa l-iżjed għal qalbi.
La tħobb tikteb, ħaġa naturali li tħobb taqra. Il-ktieb favurit tiegħek?
Ftit ilu ltqajt m’intervista fejn Trevor Żahra qabbel kittieb ma’ karozza li biex timxi għandha bżonn il-petrol. Awtur irid jaqra ħafna. Ma jistax jiżola ruħu u jaħseb li jekk ma jaqrax xogħol ħaddieħor, ma jinfluwenzax ruħu fl-istil ta’ kitba. Bil-maqlub irid jassorbi kemm jista’ għaliex minkejja kollox kull kittieb għandu stil ta’ kitba għalih. Biex tagħżel ktieb wieħed meta qrajt mijiet hija daqsxejn diffiċli. Allura l-għażla ħa taqa’ fuq l-iktar ktieb favurit tiegħi b’kull lingwa li naqra biha. Nibda b’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo li nqisu l-masterpiece bil-Malti per eċċellenza. Ngħaddi għalChronicles of a Death Foretold ta’ Garcia Marquez u nagħlaq b’Il Cane di Terracotta, għalija l-aqwa xogħol t’Andrea Camilleri.
Inkun qed ngħid sew jekk ngħid li l-ġeneru pulizjesk huwa il-favorit tiegħek?
Qed tgħid sewwa. Minkejja li nħobb naqra kull xorta ta’ kotba (kif tista’ tixhed il-librerija daqt ħa ssiefer li għandi fil-kamra), imma l-faxxinu lejn id-dinja kriminali u l-karattri polizjeski jipprovaw jsolvu l-whodunit dejjem appellawli iżjed minn ġeneri oħra. U minn daqshekk kelli x-xorti li niltaqa’ ma’ ħafna karattri fantastiċi u affaxinanti li kattru l-immaġinazzjoni fertili tiegħi f’dan ir-rigward.
Meta għandna nistennew il-ktieb il-ġdid tiegħek, eżattament?
Għandu jkun għall-bejgħ il-ġimgħa ta’ qabel l-Għid.
Ser ikun hemm kotba oħrajn? Għandek xi pjanijiet għall-futur fejn tidħol litteratura u kitba — jew għadu kmieni wisq biex nistaqsik fuq dawn?
Għandi pjanijiet f’moħħi għall-ktieb ieħor, imma għadu kmieni wisq biex nitkellem dwaru.
Kwotazzjoni qasira li tirrifletti l-ħsibijiet tiegħek f'dan il-mument tassew speċjali għalik.
Ħa nagħlaq bi kliem il-kbir Bob Dylan li nħoss li huma tassew f’waqthom f’dan il-perjodu mill-iżjed eċċitanti għalija — A man is a success if he gets up in the morning and gets to bed at night, and in between he does what he wants to do.
Grazzi, Mark, talli aċċettajt li tieħu sehem f'din l-intervista. Ninstab ċerta li, flimkien miegħi, l-amministrazzjoni ta' dan is-sit u l-qarejja u l-posters kollha jawgurawlek kull suċċess.
Grazzi ħafna mill-ġdid tal-istedina. Kien pjaċir tiegħi.
Grazzi mill-qalb lil Kenneth Borg għar-ritratti, lil Pierre Portelli għall-qoxra ta' Prima Facie u lil Take 2 u Jo Cole għall-video.
No comments:
Post a Comment