Monday, October 29, 2012

RIĦA TA’ NATURA - Jean Gove`

RIĦA TA’ NATURA

Storja qasira ta' Jean Gove`




Din l-istorja inkitbet meta l-awtur kellu biss sittax-il sena. Dak iż-żmien kien fl-istadju ta' bejn il-Form 5 u l-Junior College

Il-karozza ġriet fuq il-ħaxix niexef, taqbeż u toqmos ma’ kull tumbata. It-turisti ma kinux imdorrijin b’dan il-qbiż kollu. Il-gwida kien għadu kif avżahom biex ma jiħdux kolazzjon. Dnub li kienu diġà kiluh u issa kien għoddu reġa’ tiela’ fi griżmejhom. Is-Sur Bradbury ħares lejn martu. Bħalu kellha wiċċha abjad karti. Il-lejl ta’ qabel kienu kielu tip ta’ dud maxx, meqjus bħala delikazija fost dawn il-popli. Kien qallibhom matul il-lejl u dalgħodu kielu bil-ħniena tar-riħa tal-laħam moqli. U issa l-qbiż tal-karozza kienet fi ħsiebha terġa’ taqlgħalhom kollox mill-istonku mqar f’nofs dan il-vjaġġ li għalih kienu ħallsu l-belli liri. Is-Sinjuri Brannigan dehru li għaddejjin mill-istess martirju iżda kienu kapaċi jagħtu impressjoni iktar soda tagħhom infishom. Ma deherilhomx li dgħjufithom kienet għal għajn in-nies. Is-Sinjura Brannigan ħarġet maktur u għattiet ħalqha biex iżżomm milli tirremetti. Il-karozza waqfet u niżlu x-xufier u l-gwida. Ix-xufier iswed fetaħ il-bieba ta’ wara u minnha niżlu s-Sinjuri Bradbury u Brannigan.
“Xi sbuħija, hux?” tqanżaħ is-Sur Brannigan b’daħka mċappsa ma’ ħalqu.
“Qisha ġenna tal-art. Ma nixba’ qatt inxommha din ir-riħa,” kompliet martu.
“Għalhekk nieħu gost niġi hawn imqar darba f’sena. Nerġa’ nħossni nsir ħaġa waħda man-natura, ma’ Ommna lkoll.”
“Din ir-riħa tassew tfuħ,” reġgħet is-Sinjura Brannigan, filwaqt li ġibdet nifs wara ieħor.
“Tassew,” qalu t-turisti f daqqa filwaqt li ġibdu nifs twil kollha flimkien. “Għalkemm ma nistax insib isem għaliha din ir-riħa. Riħa tfuħ veru imma...” Is-Sur Bradbury għalaq għajnejh u ġibed nifs itwal biex jipprova jiftakar aħjar. Il¬gwida resaq lejhom wara li sellem lix-xufer u bagħtu lura lejn il-lukanda b’istruzzjonijiet ta’ x’ħin għandu jerġa’ jiġi.
“Ersqu ‘l hawn. Illum għandi xi ħaġa speċjali x’nurikhom. Xi ħaġa li la qatt rajtuha u la qatt m’intom se tarawha. Ilbieraħ avżawni biha. Issa imxu warajja. Ħaffu, isa.”
Ir-riħa li xammew it-turisti taret mar-riħ u għarrxet imnifsejn ta’ żebra żgħira. Qamet fuq saqajha ta’ wara u b’saqajha ta’ quddiem tat żewġ daqqiet mal-art. Żehret bħal tidħak. Kienet taf x’inhi dik ir-riħa u kif indunat waqfet miż-żehir.
*         *         *

II-leoparda ħadet sura ġdida: ta’ ħaxix aħmar jitmiegħek mal-ħamrija. Ir-riħ nefaħ għal warajha li ma jmurx iġorr riħitha f’imnifsejn iż-żebra sakemm kaxkret żaqqha mal-ħamrija u resqet eqreb lejn il-merħla tiżher. Ebda waħda minnhom ma kienet indunat u l-leoparda ppjanat li jibqgħu bla ma jindunaw sakemm ikun tard wisq. Immarkat żebra żgħira li mhux żgur kellha ġimgħa u baqgħet titkaxkar lejha. Ta’ ferħ li kienet iż-żebra kienet qiegħda taqbeż u togħla fit-truf tal-merħla, tiskopri l-muskoli sodi u inċerti ta’ saqajha. Ommha kienet il-bogħod minnha u issa ma kienx jonqosha wisq biex tinqata’ għalkollox mill-merħla. Bla għarfien ta’ dak li kien se jiġri ż-żebra qabżet ‘l hemm mill-merħla u resqet lejn 1-ilma biex tixrob weħidha. Il-leoparda dan li stenniet: żebra żgħira maqtugħa mill-bqija tal-merħla, biex b’hekk ma jkollhiex għalfejn tiġġieled mal-kbir tal-merħla jew ma’ xi omm li tiddeċiedi tilgħabha tal-eroj. L-unika problema issa kienet li l-merħla kienet qiegħhda kważi warajha u kellha toqghod iktar attenta li ma jxommuhiex u jtellfulha kollax. Wara kollox issa kellha l-frieħ x’tieħu ħsieb.
Kienet resqet viċin biżżejjed biex tagħti s-salt. Iż-żebra nħasdet meta splużjoni ta’ ħamrija, ħaxix u dwiefer taret għal fuqha. Iżda x-xorti kienet magħha u zelqet fit-tajn ta’ tarf l-għadira. Il-leoparda baqgħet ħierġa fuq l-għadira u ż-żebra hekk kif sabet ruħha meħlusa mill-qatgħa, qabżet u ġriet lejn il-merħla. Il-leoparda kienet ħafifa daqsha u iktar. L-umiljazzjoni u l-ġuħ, tagħha u ta’ wliedha, kienu mottiv biżżejjed biex il-muskoli tagħha jtajru n-nar. B’qabża waħda minn ġol-ilma taret għal fuq dahar iż-żebra żgħira. Għal darb’oħra x-xorti ffavorixxiet liż-żebra u wieħed miż-żebra kbar kien viċin biżżejjed biex jagħti daqqa biż-żewġ u jolqot. Il-leoparda taret bid-daqqa għal ġol-għadira. Bi tbatija daħlet kif setgħet max-xatt ta’ l-għadira. Kellha żewġ kustilji maqsumin li taqqbulha u ċarrtulha l-pulmun. Tkaxkret bil-mod, imkaħħla mat-tajn tal-għadira, tonfoħ qawwi u tobżoq id-demm.
Moħħha kien qiegħed jgħarrex bla waqfien. Jgħarrex għal ħsus li kienu qegħdin jipprovaw jaħarbulha: uliedha, żebra, uġigħ, ġuħ, mewt.
*         *         *

“Ejjew, ersqu bil-mod.” Il-gwida kien miexi fuq ponot subgħajh, b’daru kemmxejn mħattab u dirgħajh mitfugħa `l quddiem. Is-Sinjuri Bradbury u Brannigan imxew warajh, jimitaw il-mixja tiegħu.
“Għidtilkom li għandi xi ħaġa specjali għalikam illum, isa ersqu,” qalilhom il-gwida filwaqt li niżel kokka, moħbi wara siġra tax-xewk qasira. It-turisti niżlu ħdejh. “lssa nistennew ftit hawn., .”
“X’se turina mela?” staqsa s-Sur Brannigan.
Il-gwida ma wieġbux u wrieh b’subgħajh siġra tax-xewk oħra. Għall-ewwel ma raw xejn iżda wara ftit bdew jisimgħu bħal twerżiq żgħir.
“Ersqu ‘l ġewwa, ersqu ‘l ġewwa!” għajjat il-gwida minn taħt l-ilsien. It-turisti donnhom ippanikjaw b’leħnu u qabżu ‘l ġewwa jinħakku mas-siġra tax-xewk. Fost ħafna twerżiq u għajat minn taħt l-ilsien it-turisti mtlew bix-xewk u waqgħu għal tulhom, jekk mhux fil-ħamrija fix-xewk.
Il-gwida qam u tfarfar mill-ħamrija u mix-xewk, u ħares biċ-ċiera lejn it-turisti.
“Imn’alla mhix qiegħda hawn għax kieku diġa għamlitna trietaq.”
“Min mhix qiegħda hawn?”
“Ersqu isa, ersqu. La mhix hawn nistgħu narawham bla tfixkil iżda bla dewmien.”
Il-ħames bnedmin resqu lejn is-siġra tax-xewk li kien uriehom il-gwida. Moħbijin sew rninn kull għajn kien hemm erbat ifrieħ griżi ikanġu fl-aħmar skur. Kienu qegħdin iwerżqu, jgħajtu lill-ommhom.
“Hi, xi ħlew, dawk qtates!” werżqet is-Sinjura Brannigan.
“U xi qtates, qtates. Dawk tigri, hux?” staqsa is-Sinjur Brannigan filwaqt li fittex konfermazzjoni f’għajnejn il-gwida.
“Eh, stenna naqra. Dawk huma qtates iva jew ta’ l-anqas huma tal-istess speċi u le m’humiex tigri. M’inti se ssib ebda tigra fis-savanna tal-Afrika. Dawn huma frieħ ta' leoparda.”
“Ara, xi ħlew! Kemm huma żgħar!” Is-Sinjura Brannigan kienet mitlufa fuqhom. Resqet idejha eqreb.
“Min jaf daqsiex isiru minn hawn u ftit snin oħra!” tkexkxet is-Sinjura Bradbury.
“Trid tgħid sa ftit xhur oħra,” ikkoreġieha l-gwida.
“U jibdew jieklu l-laħam ukoll!” kompla s-Sur Bradbury.
“Diġa jieklu l-laħam. Tikkaċċja ommhom għalihom.”
“Ajma!” It twerżiqa ħasdet lil kulħadd. Il-gwida ħaseb għal ftit sekondi li reġgħet irritornat ommhom. Is-Sur Brannigan mar jipprova jaħtaf is-senter tal-gwida filwaqt li s-Sinjuri Bradbury tgħannqu flimkien ifittxu l-kenn mill-attakk tal-leopardi mġewħa. Is-Sinjura Brannigan kienet imfattra fuq il-warrani tnewwaħ u xxejjer subgħajha l-werrej fl-ajru. Proprju fit-tarf tiegħu kien hemm żewġ qatriet demm. “Gidmuni, ja mgħarrqin 1’ huma! Dak ta, arah x’jaqbeż! Kien għoddu ħadli subgħajja!” qalet is-Sinjura Brannigan filwaqt li tħabtet mal-piż tagħha biex tqum mill-art. Kienet se taħbat tmur għalihom iżda l-gwida kien pront żammilha idha milli tinżel fuqhom: “Imxu, ersqu ‘1 hawn. Ma ddumx ma tiġi ommhom...”
“Stenn’ naqra.” Is-Sur Bradbury kien b’għajnejh magħluqa u b’imnieħru mdeffes fl-ajru. “Qegħdin ixxommu?”
“Ir-riħa?” staqsa l-gwida li ma seta’ jxomm xejn.
“Ir-riħa,” qabżet is-Sinjura Bradbury, timita l-istess movimenti ta’ żewġha. “Riħa taqsamlek qalbek.”
“Riħa tfuħ wisq.”
“Ma nistax inpoġġi isem fuqha.”
L-erba’ turisti kienu kollha b’imneħirhom fl-ajru.
“Riħa ta’... ta’..”
“Ta’ ħamrija?”
“Le le, x’ħamrija! Kienet fuq ilsieni. Tellifthieli!”
“Ejjew nimxu magħha!” offriet is-Sinjura Brannigan. “Forsi tax-xita?”
“Ejja nimxu magħha,” reġa’ offra 1-gwida. “Ejjew,”
U l-ħames bnedmin mxew lil hinn mill-moħba tal-frieħ tal-leoparda Bħal klieb tal-kaċċa, u b'ferm inqas dinjita, imneħirhom kien jixxejjer qabilhom u jmexxihom skond fejn ixomm ir-riħa. Sa fl-aħħar waslu fejn għadira tant kbira li kienet qisha baħar. Fit-tarf minnhom kien hemm merħla żebra. L-erba turisti u l-gwida tagħhom waqfu ftit ‘il bogħod minnhom u ddeċidew li r-riħa kienet ġejja minn hawn. Waħda miż-żebri żgħar tbiegħdet xi ftit ‘il bogħod mill-merħla:
“Hemm ara, x’indipendenza fis-selvaġġ. Mhux żgur għandha sena u diġa qiegħda tiġri ‘il bogħod minn ommha. Kellhom jgħaddu sbatax-il sena biex nagħmel l-istess jien!” daħket is-Sinjura Brannigan fost id-daħk tat-turisti l-oħra.
“Għalkemm nimmagina li għad fadlilha biex tiltaqha ma’ xi wieħed jgħodd għaliha!” kompla jidħak is-Sur Brannigan.
Sakemm kienu mitlufin fid-daħk u fil-paroli ma rawx il-qabża tal-leoparda għal fuq iż-żebra. Laħqu rawha taqa’ ġo l-għadira u liż-żebra taħrab minn taħt difrejha.
“Araw, araw!” għajjat is-Sur Brannigan.
“Jaħasra dik iż-żebra!” werżqet is-Sinjura Brannigan.
“Puh, xi ħdura! Issa żebra żgħira ‘l għalfejn trid toqtolha?” qalet is-Sinjura Bradbury filwaqt li dawret wiċċha ‘l hemm.
“Mela xi tridha tiekol?” weġibha s-Sur Brannigan.
“Tiekol ħaxix bħalma jagħmlu ż-żebra!” irritalja s-Sur Bradbury.
“U int ma tiekolx laħam?” staqsieh il-gwida.
“Imma jien ma nattakkax lil xi majjal b’difrejja u bi snieni!”
Il-leoparda reġgħet qabżet minn fejn kienet u taret għal fuq dar il-ferħ taż-żebra. Wieħed miż-żebri l-kbar xejjer daqqa biż-żewġ u ħadha f’ġenbha. Il-leoparda taret għal ġo l-ilma u ppruvat titla’ bi tbatija.
“Hekk, sewwa! Nirrah tegħreq!” qalet is-Sinjura Brannigan b’għajta trijumfanti.
“Ja ħadra!” kompliet is-Sinura Bradbury.
“Ejjew, imxi ħalli mmorru lura lejn il-karozza. Dalwaqt jidlam,” qalilhom il-gwida b’diqa f’għajnejh.
*         *         *

Il-leoparda nefħet bis-saħħa tagħti l-iskossi biex tieħu n-nifs. Is-saqajn ta’ quddiem ippruvaw jaħfnu l-ħamrija biex jiġbduha ‘l quddiem. Żaqqha tkaxkret għal ftit iżda ħasset il-kustilji jniffdu l-pulmuni u kellha tieqaf. Mill-ġnub ta’ ħalqha beda’ jnixxi d-demm u n-nifs tagħha beda’ jfalli waqt li l-leoparda ggargarizzat id-demm. Fil-bogħod setgħet tisma’ t-twerżiq imġewwaħ tal-frieħ tagħha iżda issa dawk kienu fuq wara nett ta’ moħħha. Xi ħaġa kienet qiegħda tiġbidha lejn il-frieħ iżda kien hemm xi ħaġa wisq ikbar li kienet qiegħda iġġielha ssalva lilha nnifisha. Is-salvazzjoni tagħha kienet tfisser is-salvazzjoni tagħhom. Tat l-ikbar sforz tagħha u qamet fuq saqajha ta’ quddiem iżda fis reġgħet waqgħet fuq geddumha. Il-waqgħa ħaditilha aktar nifs. Il-kustilji komplew daħlu ġol-pulmun u nifduh min-naħa għal oħra. Intelqet filwaqt li ħalqha u mneħirha nksew bid-demm. Saqajha ta’ wara kienu għadhom fl-ilma kiesaħ tal-għadira. Ftit ‘il bogħod iż-żebra kienet qiegħda taqbeż u tiżher. Resqet lejn il-leoparda u xammitha mill-qrib bħal ma qatt setgħet tagħmel qabel. Minn fejn kienet setgħet tara s-siġra baxxa tax-xewk. Fil-fond tagħha setgħet tara ċaqliq żgħir. Il-frieħ tal-leoparda kienu għadhom ifittxu lil ommhom u l-ikel li ġġibilhom.Fi ftit ġimgħat oħra fejn ix-xmara kont tkun tista’ tara skeletru mfarrak ta’ leoparda adulta. Madwar mitejn pass ‘il bogħod minnha kien ikun hemm erbat iskeletri zgħar nofshom midfunin fil-ħamrija. Fuq it-tarf tal-għadira kien hemm żebra taqbeż u togħla għaikemm kienet adulta. Kienet ferħana. Wara kollox, ħajjitha kienet tħallset b’ħamsa oħra.

No comments:

Post a Comment