Min jitfaħħar mhuwiex neċessarjament twajjeb u min jitmaqdar mhuwiex neċessarjament ħażin. Aħjar tistaqsi min qed iħallas lill-oratur.
Proverbju Ġappuniż
Id-diskors favur l-indipendenza tat-Tibet miċ-Ċina huwa konvenzjonali fil-Punent u fost ix-Xellugin. Però, meta tinvestiga ftit għalxiex jingħadu ċertu affarijiet, u iktar u iktar minn min jingħadu, tibda tasal għal konklużjonijiet sorprendenti.
Tul l-istorja tagħhom, kemm iċ-Ċina u kemm it-Tibet invadew lil xulxin kemm-il darba. Lanqas ma kien it-Tibet dejjem minn taħt, għax kien hemm perjodi fejn it-Tibet kaxkar territorji sħaħ mingħand iċ-Ċina sat-truf tal-Mongolja. Din l-invażjoni moderna, però, għandha numru ta' affarijiet ġodda u relatati; speċifikament tnejn: 1. l-invażjoni Ċiniża tat-Tibet kienet motivata ideoloġikament, u 2. il-militar Ċiniż li invada t-Tibet kien modernizzat, għall-kuntrarju tal-militar Tibetan.
Iċ-Ċina kienet u għadha uffiċjalment Komunista. Jekk noqogħdu fuq livell iktar prattiku, iċ-Ċina kienet u għadha repubblika sekulari u moderna, b'kunsill awtoritarju. L-invażjoni Ċiniża kienet motivata, l-ewwel nett, minn ideoloġija seminazzjonalista - ir-raġunament tagħhom kien li t-Tibet kien tradizzjonalment parti miċ-Ċina - u minn ideoloġija Modernista billi l-intenzjoni tagħhom kienet li jimmodernizzaw it-Tibet u joħorġuh mill-Medjuevu.
Jaqbel li waqt li nħarsu ftit lejn x'kien it-Tibet qabel l-invażjoni Ċiniża, inħarsu wkoll lejn l-immaġni li ħafna nies għażlu jew belgħu - permezz ta' ideat żbaljati dwar il-Buddiżmu - tal-figura tad-Dalai Lama u ta' propoganda oħra.
Fuq il-Buddiżmu biżżejjed ngħidu li ħafna fil-Punent għandhom l-idea li l-Buddiżmu huwa xi reliġjon umanista u paċifista ... għall-kuntrarju tar-reliġjonijiet tal-Punent bħall-Kristjaneżmu jew l-Iżlam. Madankollu, il-Buddiżmu mhuwiex dottrinalment paċifista u mkien, fil-postjiet fejn il-Buddiżmu ħa xejra uffiċjali u konvenzjonali, ma kien hemm min warrab l-armi jew il-possibiltà tal-armi. Iċ-Ċina Buddista baqgħet militarjament attiva, il-klassijiet tradizzjonalment Buddisti fil-Ġappun kienu l-elit militari, u t-Tibet ma kienx eċċezzjoni lanqas. Jekk wieħed jaqra l-istorja tat-Tibet isib katina ta' gwerer żgħar bejn Lamas (patrijiet politiċi) u monasteri-fortizzi. L-idea ta' patrijiet paċifisti daħkana nsibuha biss fil-film ta' Scorsese. Patrijiet armati sa snienhom bi skieken u snieter hija ħafna eqreb ir-realtà, u d-Dalai Lama ma kienx daqshekk innoċenti fil-konfronti ta' din ir-realtà.
Id-Dalai Lama nniffsu, wieħed irid jibda jqis, huwa figura li suppost huwa kontroversjali skont il-valuri tal-Punent. Id-Dalai Lama huwa re qaddis - speċi ta' rex sacrorum tar-Rumani - però, f'dan il-każ b'poteri reali, kemm politici u kemm reliġjużi. Meta tisma' x-Xellugin jiddefendu re diġà tibda titħawwad, aħseb u ara meta dan ir-re huwa wkoll kap ta' knisja. Titħawwad l-iktar għax fil-Punent ix-Xellugin jimxu b'politika kompletament opposta; kontra l-monarkija, u speċjalment kontra kwalunkwe twaħħid bejn stat u knisja. Għaliex id-Dalia Lama jitkejjel b'riga differenti?
Kieku kellna nesportaw ftit avvenimenti passati u nibdluhom ftit, għal żmienna, u ngħidu aħna li Napuljun - favur Imperu Franċiż, imma sekulari u modern - invada l-Vatikan u eżilja l-Papa, ħafna minn dawn l-istess persuni li qalbhom taħraqhom għat-Tibet u għad-Dalai Lama, ma tantx jifdlilhom ħruq il-qalb għall-Vatikan u għall-Papa.
Waħda mir-raġunijiet għal dan l-istandard doppju hija li d-Dalai Lama ħoloq persona permezz tal-media tal-Punent, uża l-preġju li għandu l-Buddiżmu u l-moħħ Ażjatiku b'mod ġenerali fil-Punent biex jieħu speċi ta' teddy bear status. Diversi Indjani xettiċi, b'mod partikulari, tkellmu dwar l-idea li għandhom in-nies tal-Punent li l-bnedmin Ażjatiċi huma awtomatikament iktar mistiċi u iktar spiritwalment privileġġjati. Qalu ukoll li xi Ażjatiċi jużaw din l-idea tal-Punent biex jinfluwenzaw u biex jistagħnew. Id-Dalai Lama huwa wieħed minn dawn. Irrispettivament minn x'jgħid u x'inhu l-ħsieb tiegħu, għandu l-istatus ta' bniedem twajjeb u għaref. Din mhijiex xi ħaġa ġdida lanqas. Meta l-Lama tal-Mongolja, il-Bogd Khan, kien mhedded mill-Komunisti Russi u l-Komunisti Ċiniżi, ħoloq diversi alleanzi ma' Russi Bojod (anti-Komunisti) ibbażati fuq l-istat spiritwali superjuri tiegħu. Dan minkejja li fil-ħajja fiżika tiegħu ma kien joqgħod lura minn xejn: kien wikkiel enormi u pedoflu. L-unika differenza f'dal-każ kien li r-Russi l-Bojod kellhom għanijiet anti-Komunisti daqs il-Bogd Khan, mentri l-Punent kontemporanju huwa eqreb punt b'punt lejn iċ-Ċina Komunista milli lejn it-Tibet teokratiku.
Id-Dalai Lama huwa wkoll reċipjent tal-Premju Nobel għall-Paċi, premju li llum forsi tilef kull preġju li kellu. Però, anki f'dal-każ kien premju mogħti għalxejn, għax fl-istess żminijiet li kien qiegħed jirċievi dal-premju kien - u għadu - jieħu paga mingħand is-CIA li biha kien qed jiffinanzja numru ta' gwerillieri Tibetani kontra ċ-Ċiniżi u kontra l-kollaboraturi Tibetani.
Bħas-soltu ċertu kurrenti suppost revoluzzjonarji jaġixxu ta' pedestall għal dak li suppost qegħdin jopponu. F'dal-każ hemm ukoll stabbiliment militari anti-Komunista, anti-Ċina -ċioe is-CIA u interessi Amerikani- li qiegħed jgħin lit-Tibet biex jieħu l-indipendenza, billi jħallas lid-Dalai Lama u sforzi gwerilliera tiegħu, bl-intenzjoni ewlenija li ċ-Ċina titlef xi ħaġa, u dan kollu jsir bil-“moħbi”. Mill-banda l-oħra għandek moviment Xellugi żagħżugħ, li tipikament huwa kontra dan l-istabbiliment militari anti-Komunista, u li tipikament iħaddan ċerti valuri Komunisti wkoll, u umanitarji u paċifisti. Dan il-moviment żagħżugħ, immanipulat mill-propaganda ta' dan l-istess stabbiliment, isib ruħu favur stat medjevali, monarkiku u teokratiku u kontra stat modern, Komunista u sekulari: pożizzjoni li tista' tistennieha biss mingħand tradizzjonalista prinċipjat.
Jaqbel li nittrattaw ċertu inkwiet razzjonali li għandhom il-fazzjoni pro-Tibet, li huwa t-trattament tat-Tibetani mill-militar Ċiniż f'dil-gwerra. Kuntrarju għall-perċezzjonijiet, l-invażjoni Ċiniża fil-bidu kienet pjuttost umanitarja (sa fejn gwerra tista' tkun umanitarja). Il-ħruxijiet, naturalment, bdew meta l-gwerra saret waħda gwerilliera, u t-tattiċi u l-metodi li l-militar Ċiniż qed juża mhumiex differenti mit-tattiċi u l-metodi li kwalunkwe armata regulari tuża kontra armata gwerilliera/semiċivili. Din hi ħaġa li s-sentimentalisti u l-erwieħ it-twajba qatt ma jistgħu jaslu jaqblu magħha, għax huma irrazzjonalment kontra l-gwerra mill-bidu nett, imma fi gwerra kontra armata gwerilliera bilfors iridu jiġu ingaġġati nies ċivili. Din, wara kollox, hija l-għażla tal-gwerilliera nfishom u ta' xi ċivili, anki jekk mhux kollha, li qed jiġġieldu mhux għal xi stat ideali għalihom iżda sempliċiment biex id-Dalai Lama jerġa' jikseb il-poter.
Taħt gwida ideoloġika Modernista, u forsi anki Xellugija, ir-raġunament konsistenti huwa dan: Huwa minnu li ċ-Ċina qed tfittex il-kobor nazzjonali tagħha u wħud mir-raġunijiet għala qed tokkupa t-Tibet huma ħżiena, iżda bħalma l-konkwista ta' Napuljun fl-Ewropa kienet f'isem Imperu u fl-aħħar mill-aħħar xorta ħalliet il-frott antifewdali u antiteokratiċi tagħha tul nofs seklu, hekk ukoll għandna nħarsu lejn l-invażjoni tat-Tibet. Invażjoni b'ċerti żbalji, fil-ħsieb u forsi anki fil-metodu, li fl-aħħar mill-aħħar għad twassal għall-modernizazzjoni tat-Tibet. Ħafna sentimentalisti fil-Punent jinsistu li ċerti għanijiet jintlaħqu bla kompromessi assolutament: paċifiżmu bla gwerra, unjoni bla kunflitt. B'hekk jaslu biex dejjem ikunu kontra li l-għanijiet tagħhom jintlaħqu, u dejjem ikunu ta' għajnuna għal min jopponihom.
Wieħed ma jistax ma jistaqsix, b'ċerta sorpriża, x'tiswa s-sovranità u l-identità nazzjonali tat-Tibet għal min irid dinja bla nazzjonijiet, bla fruntieri? Probabbli, jimmaġinaw li dan l-għan se jintlaħaq billi nqumu għada filgħodu u n-nazzjonijiet ikunu sparixxew volontarjament u unanimament, li hija ħmerija. L-unika mod kif dan l-għan jista' jintlaħaq huwa billi l-istati ż-żgħar jinbelgħu mill-kbar, bejn b'unjoni paċifika jew militari, u li fl-aħħar mill-aħħar l-istati l-kbar jibilgħu 'l xulxin. U dan huwa każ fosthom.
No comments:
Post a Comment