Monday, October 29, 2012

Tazza tad-Dinja 2010 - L-Afrika t'Isfel - Civic

Tazza tad-Dinja 2010 - L-Afrika t'Isfel




Waslet edizzjoni oħra tat-Tazza tad-Dinja, xahar sħiħ ta' futbol li kull dilettant ikun qed jistenna b'ħerqa kull 4 snin. Id-19-il edizzjoni se ssir għall-ewwel darba fil-kontinent Afrikan, fl-Afrika t'Isfel. It-triq lejn il-finali tat-Tazza tad-Dinja bdiet nhar il-25 ta' Novembru 2007 f'Durban fejn telgħu l-poloz tal-gruppi tal-Kwalifikazzjoni tas-sitt Konfederazzjoniet li jiffurmaw il-futbol Mondjali. Il-logħbiet intlagħbu fuq medda ta’ sentejn sakemm saru magħrufa l-31 finalista u l-pajjiż ospitanti. Total ta’ 204 pajjiz ħadu sehem. L-Afrika t’Isfel ikkwalifikaw awtomatikament bħala l-pajjiż organizzatur.  Kull Konfederazzjoni kienet allokata ammont ta’ postijiet imqassam kif gej:

Konfederazzjoni Asjatika (AFC) – 4 jew 5
Konfederazzjoni Afrikana (CAF) – 5 flimkien mal-Afrika t’Isfel
Konfederazzjoni Amerka ta’ Fuq, l-Amerka Centrali u l-Karibew  (CONCACAF) – 3 jew 4 
Konfederazzjoni Amerka t’Isfel (CONMEBOL) – 4 jew 5 
Konfederazzjoni Oċeanja (OCEANIA) – xejn jew post wieħed.
Konfederazzjoni Ewropea (UEFA) – 13

Is-CAF u l-UEFA biss kellhom il-postijiet garantiti. Il-pajjiż li spiċċa r-raba’ fil-CONCACAF (Costa Rica) lagħab kontra l-pajjiż li spiċċa l-ħames mill-CONMEBOL (Urugwaj) u l-pajjiż li spicca l-ħames mill-AFC (Bahrain) lagħab kontra r-rebbieħ tal-OCEANIA (New Zealand) fi play-offs biex setgħu jiġu determinati l-31 parteċipant flimkien mal-Afrika t’Isfel. Il-pajjizi li kkwalifikaw huma dawn:

Konfederazzjoni Asjatika (AFC) – l-Awstralja, il-Ġappun, il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel.
Konfederazzjoni Afrikana (CAF) – l-Afrika t’Isfel, l-Alġerija, il-Ghana, il-Kamerun, il-Kosta tal-Ivorju u n-Niġerja.
Konfederazzjoni Amerka ta’ Fuq, l-Amerka Ċentrali u l-Karibew  (CONCACAF) – il-Honduras, il-Messiku u l-Istati Uniti.
Konfederazzjoni Amerka t’Isfel (CONMEBOL) – l-Arġentina, il-Brażil, iċ-Ċili, il-Paragwaj u l-Urugwaj.
Konfederazzjoni Oċeanja (OCEANIA) – in-New Zealand.
Konfederazzjoni Ewropea (UEFA) – id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ingilterra, l-Italja, l-Olanda, il-Portugall, is-Serbja, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvizzera.

Il-format tat-tazza jikkonsisti fi 8 gruppi b’4 tims f'kull wieħed u kull tim jilgħab 3 logħbiet. It-tims li jispiċċaw fl-ewwel 2 postijiet minn kull grupp jikkwalifikaw għat-tieni fażi. Il-logħob issa jsir fuq bażi t’eliminazzjoni diretta u jekk ir-riżultat jibqa’ f’parità sa tmiem id-disgħin minuta jingħata ħin barrani ta’ nofs siegħa. Jekk ir-riżultat jibqa’ l-istess jingħataw il-penaltis sabiex jiġi determinat ir-rebbieħ. Il-gruppi huma mqassmin kif ġej :

Grupp A: l-Afrika t’Isfel, Franza, il-Messiku u l-Urugwaj.
Grupp B: l-Arġentina, il-Greċja, il-Korea t’Isfel u  n-Niġerja.
Grupp C: l-Algerija, l-Ingilterra, is-Slovenja u l-Istati Uniti.
Grupp D: l-Awstralja, il-Ġermanja, il-Ghana u s-Serbja.
Grupp E: id-Danimarka, il-Gappun, il-Kamerun u l-Olanda.
Grupp F: l-Italja, in-New Zealand, il-Paragwaj u s-Slovakkja.
Grupp G: il-Brażil, il-Korea ta’ Fuq, il-Kosta tal-Ivorju u l-Portugall.
Grupp H: iċ-Ċili, il-Honduras, Spanja u l-Iżvizzera.

Għal din il-festa ta’ futbol, l-Afrika t’Isfel ħasbet sabiex tibni stadji ġodda jew ittejjeb u ġġedded fost l-aħjar strutturi diġà mibnija sabiex tkun tista’ tilħaq l-ogħla kriterji kif mitluba mill-FIFA. Hu stmat li ntefqu iktar minn $2 biljuni għal dan il-proġett. F’ċertu żmien ħakmet il-biza’ li l-grawnds ma kienux ħa jkunu lesti fil-ħin, kemm minħabba nuqqas ta’ fondi kif ukoll minħabba strajkijiet kontinwi mill-ħaddiema fis-siti tal-kostruzzjoni. Intgħażlu 9 bliet differenti u 10 stadji sabiex jospitaw il-logħob:

Johannesburg (2 stadji), Durban, Cape Town, Pretoria, Port Elizabeth, Bloemfontein. Polokwane, Rustenburg u Nelspruit.


Barra minn hekk, il-Gvern Sud Afrikan ħaseb sabiex itejjeb is-sistemi tat-trasport pubbliku, bena toroq ġodda u anke ħoloq servizz ġdid tal-ferrovija taħt l-art. Ġie vvutat ukoll ammont sostanzjali ta’ Dollari sabiex jiġu mwettqa, u nfurzati, miżuri speċjali ta’ sigurtà f’pajjiż fejn hemm rata’ qawwija ta’ kriminalità. 

Tliet miljun biljett inħarġu għall-pubbliku però l-bejgħ tagħhom fl-Ewropa u fl-Amerka t’Isfel għadu xi ftit lura l-iktar minħabba l-prezz konsiderevoli li wieħed irid iħallas sabiex jivvjaġġa lejn l-Afrika t’Isfel. Pajjiżi bhall-Ġermanja u l-Olanda diġà ħabbru li ħdejn edizzjoniet oħra ħa jkunu rappreżentati ferm inqas bil-partitarji. Ma’ dan wieħed irid iżid li apparti mill-prezz qawwi ġħal din il-ġita, ħafna partitarji huma mħassbin dwar ir-rata għolja ta’ kriminalità fl-ibliet anke jekk il-FIFA ħabbret miżuri qawwija ta’ sigurtà. 

Analiżi tal-Gruppi

Bħas-soltu t-tlugħ tal-poloz wassal għal diversi kontroversji. Is-sistema ta’ seeding tal-kontinenti minflok tal-pajjiżi ġabet sitwazzjoni fejn tims ta’ kalibru għoli setgħu spiċċaw f’xi grupp iebes ħafna, bħalma ġara fil-każ tal-Portugall li telgħu mal-Brażil f’dak li qed jissejjaħ il-grupp tal-mewt. Apparti hekk, din l-edizzjoni hija kemmxejn differenti minn tal-passat riċenti għall-fatt li mhux ħa tintlagħab fis-sħana tas-sajf u ser tkun simili ta’ dik tal-edizzjoni tal-1978 fl-Arġentina. L-Afrika t’Isfel tinsab fis-‘Southern Hemisphere’ li bhalissa tinsab fl-istaġun tax-xitwa. Il-klima tvarja wkoll bejn dik kemmxejn kiesħa ta’ Johannnesburg fit-tramuntana tal-pajjiz u l-klima iktar Mediterranja ta’ Cape Town fin-nofsinhar. Barra minn hekk, certu logħob ħa jsir f’altitudni għolja li jaffetwa n-nifs u r-rendiment tal-plejers. Tims veloċi u tekniċi bħall-Brażil, Spanja u l-Arġentina jistgħu isibuha iktar diffiċli meta jilgħabu f’postjijiet fil-għoli bhal Johannesburg, Polokwane u Rustenburg. Għaldaqstant ħafna pajjiżi qed jagħmlu l-preparamenti  fiżiċi u tekniċi tagħhom f’postijiet fil-għoli bħall-Alpi sabiex jilħqu jidraw il-klima. 



Grupp A: L-organizzaturi fl-Afrika t’Isfel ittamaw f’polza ftit aħjar milli spiċċaw fiha, anke jekk skont l-esperti, setgħu ġew ma’ min ġew għaliex ftit kien hemm tama li jistgħu javvanzaw. Missjoni diffiċli għall-maniġer Brażiljan ex-ċampjin tad-dinja Carlos Alberto Parreira li jgħaddu għall-ewwel darba għat-tieni fażi. Element nieqes mit-team bla dubju hija l-offensiva, fejn l-attakk huwa batut u mhux għall-altezza tal-kompetizzjoni.  

Il-Messiku huwa pajjiż fil-għoli ħafna u l-altitudni żgur li mhux se tagħmel bihom. Team veloċi hafna u mibni fuq il-kontrattakki. Il-Messiku bdew bil-preparamenti ferm qabel hafna pajjiżi ohra. Bdew il-kwalifikazzjoni fuq nota hażina iżda rkupraw tajjeb sabiex jinsabu fil-finali għar-raba’ darba konsekuttiva. L-aħħar 4 darbiet li ħadu sehem dejjem għaddew mill-grupp.

L-Urugwaj kienu mdorrija jispiċċaw il-ħames fil-CONMEBOL u did-darba għaddew wara l-play-offs mirbuħa fuq il-Costa Rica. Bi plejers bhal Suarez, Forlan u Cavani, l-Urugwaj jidher b’saħħtu fuq quddiem. Did-darba għandhom biex jikkompetu tajjeb għal post fit-tieni fażi. 

Iċ-Ċampjins tal-edizzjoni tal-1998 u finalisti telliefa fl-2006, Franza huwa tim tal-misteri. Minkejja li jipposjedu plejers ta’ kalibru għoli li jilagħbu mal-aqwa tims fl-Ewropa, Franza kellhom bzonn il-playoffs biex kwalifikaw bl-iktar mod diżonest permezz ta’ handball car ta’ Thierry Henry. Ħafna jiddependi mill-għażliet tal-kowċ mhux tant maħbub Raymond Domenech u l-forma li jkun fiha l-wingerRibery. Nistenna taqtiegħa interessanti f’dal-grupp bejn Franza, il-Messiku u l-Urugwaj.

Logħba kruċjali: Messiku vs l-Urugwaj - 22 ta’ Ġunju
Plejers Interessanti: Steven Pienaar (l-Afrika t’Isfel), Giovanni Dos Santos, Carlos Vela (il-Messiku), Luis Suarez, Diego Lugano (l-Urugwaj), Franck Ribery, Yoann Gourcuff (Franza)


Grupp B: Minkejja l-inkonsistenza kbira li wrew biex ikkwalifikaw għal din l-edizzjoni, l-Arġentina ta’ Diego Armando Maradona jinsabu fost il-favoriti għar-rebħa finali. Wara għażla ta’ madwar 74 plejer differenti fil-kwalifikazzjoni, Maradona għandu sfida sabiex jgħaqqad u jifforma tim b’saħħtu u jimmotivah. Materjal għandu kemm irid. Bi plejers stilel bhal Messi, Higuain u Milito, l-attakk jidher tal-biza’ pero’ fid-difiża l-unika blata fuq wara jisimha Walter Samuel, f’dak li jidher l-iktar dipartiment dgħajjef. 

Il-Korea t’Isfel jinsabu fil-finali għas-seba’ darba infila u jipposjedu team veloċi, l-aktar fuq il-linji. Fil-kwalifikazzjoni baqgħu mhux megħluba u qalgħu biss 4 goals. L-aktar team Ażjatiku li ppartecipa fit-Tazza tad-Dinja. 8 snin ilu waslu sas-semi-finali, għan li jidher improbbabli li jerga’ jintlaħaq din id-darba.

In-Niġerja, jew kif inhuma aħjar magħrufa, l-Ajkli Afrikani, jistgħu jiftaħru li fl-edizzjoni ta’ sittax-il sena ilu kienu għoddhom eliminaw lit-Taljani bl-aktar tim b’saħħtu li qatt kellhom fl-istorja. Għalkemm m’għadhomx b’saħħithom daqs dak iż-żmien , xorta jipposjedu skwadra żagħżugħa ta’ talent mibnija madwar plejers li jilagħbu fl-Ewropa bħal John Obi Mikel fil-midfield u l-koppja Yakubu-Martins fuq quddiem.  

Għalkemm moħħ il-Griegi bħalissa  żgur li ma jinsabx fuq il-futbol, prestazzjoni tajba fit-Tazza tad-Dinja taf tagħti xi ftit tal-kuraġġ lil dan il-pajjiż mifni mid-diżastru ekonomiku. Ic-Ċampjins Ewropej tal-2004 jidhru sodi fuq wara u f’Theonafis Gekas għandhom goalscorer prolifiku. Jittamaw li ma jerġgħux jirrepetu d-disfatta tal-1994 meta tilfu l-logħbiet kollha u lanqas irnexxilhom jiskurjaw gowl wieħed. B’ċans tajjeb li jgħaddu ghat-tieni fażi. 

Logħba Kruċjali: l-Arġentina vs in-Niġerja – 12 ta’ Ġunju
Plejers interessanti: Lionel Messi, Gonzalo Higuain, Walter Samuel (l-Arġentina) Park Ji-Sung (il-Korea t’Isfel) Obafemi Martins, John Obi Mikel (in-Niġerja) Georgios Karagounis, Theofanis Gekas (il-Greċja) 
  

Grupp C: Immexxijin mill-kowċ bravu, u ta’ suċċess, Taljan Fabio Capello, dis-sena l-Ingliżi jidhru tim dixxiplinat b’ċans realistiku li jerġgħu ikunu Ċampjins tad-Dinja wara nuqqas ta’ 44 sena. It-tama tal-Ingliżi tinsab fil-forma ta’ Wayne Rooney, li għandu jkun l-arma ewlenija tat-Tliet Iljuni. Plejers oħra meqjusa bħala s-sinsla tat-team huma d-duo ta’ nofs il-grawnd Lampard-Gerrard u d-duo difensiv Terry-Ferdinand. Mistennija li jirbħu l-grupp.

Għall-Alġerija, li waslu sal-finali tat-Tazza tad-Dinja wara nuqqas ta’ 24 sena huwa diġà suċċess li waslu s’hawn. Biex għaddew kellhom bżonn jegħlbu lir-rivali eterni tagħhom l-Eġittu fil-playoff. Iebsa li jgħaddu mill-grupp. 

Is-Slovenja jistgħu jitqiesu sorpriża kbira meta tqis li biex għaddew għelbu l-isfida tar-Russja, favoriti netti li jgħaddu għall-finali. Ma jidhirx li għandhom il-forza biex jissieltu ġħall-kwalifikazzjoni mill-grupp u probabbilment il-konfront mal-Alġerini jiddetermina min minnhom ħa jispiċċa l-aħħar fil-grupp.

L-Istati Uniti reġà għandhom ċans biex juru lid-dinja li anke fil-logħba tal-ballun għandhom il-mezzi biex jirnexxu. Fit-Tazza tal-Konfederazzjonijet tas-sena li għaddiet irnexxilhom jgħaddu mill-grupp tal-Italja u l-Brażil u saħansitra waslu sal-finali fejn tilfu 3-2 mal-istess Brażil wara li kienu żewġ gowls minn fuq. Flimkien mal-Ingliżi għandhom ikunu ż-żewġ tims li jgħaddu għat-tieni fażi.

Logħba Kruċjali: Ingilterra vs Stati Uniti – 12 ta’ Ġunju 
Plejers interessanti: Wayne Rooney, John Terry, Steve Gerrard (l-Ingilterra) Karim Ziani, Nadr Belhadj (l-Alġerija) Robert Koren, Zlatko Dedic (is-Slovenja) Landon Donovan, Jozy Altidore (l-Istati Uniti)


Grupp D: Tradizzjonalment il-Ġermanja dejjem kienu forza f’kull Tazza tad-Dinja u dis-sena m’għandix tkun b’inqas. In-nuqqas tal-kaptin Michael Ballack jista’ jinħass sew imma żgur li fit-team hemm plejers oħrajn ta’ esperjenza li kapaċi jpattu għal dan in-nuqqas. Ġew fi grupp li ma jidhirx daqshekk faċli però l-Ġermanja m’għandiex tfalli milli tkun mal-aħħar sittax. 
 
Għal dis-sena l-Awstralja ħasbu biex jieħdu sehem fil-kwalifikazzjonijiet iktar iebsin tal-Ażja minflok tal-Oceanja u xorta għaddew bl-unuri. Prestazzjoni sodisfaċenti erba’ snin ilu għandha tagħmel kuraġġ biex tibni fuq dak li diġà hemm. Jipposjiedu nofs il-grawnd ħafif imma jbatu minn nuqqas ta’ attakkant ta’ kwalità.  

Il-Ghana baqgħu kważi bl-istess skwadra li marret tajjeb 4 snin ilu u dis-sena qed jimmiraw biex almenu jerggħu ikunu mal-ahhar sittax. Fil-midfield żgur li se jinħass is-surmast tat-tim Michael Essien minħabba li weġġa’ rkobbtu. Bhall-Afrikani l-oħrajn kollha, team b’saħħtu fiżikament.

Is-Serbja qed jieħdu sehem għall-ewwel darba bħala nazzjon indipendenti u qed jippreżentaw tim imhallat bi plejers t’esperjenza, veterani u żgħażagħ. F’Nemanja Vidic għandhom blata fid-difiża u f’nofs il-grawnd immexxijin mill-grinta ta’ Dejan Stankovic, Is-Serbi lesti biex jisfidaw bis-serjetà. 

Logħba Kruċjali: il-Ghana vs l-Awstralja – 19 ta’ Ġunju
Plejers Interessanti: Mesut Özil, Thomas Müller (il-Ġermanja) Tim Cahill, Mark Schwarzer (l-Awstralja) Asamoah Gyan, Matthew Amoah (il-Ghana) Aleksandar Kolarov, Nemanja Vidic (is-Serbja)


Grupp E: L-Olanda jidhru l-favoriti netti li jispiċċaw l-ewwel fi Grupp E. Impressjonaw fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni bi 8 rebħiet minn 8 logħbiet. Dan it-tim hu mogħni b’bosta plejers tekniċi u ħfief bħal Robben, Van Persie, Sneijder u van der Vaart. Wasal iż-żmien li l-Oranġjo jaħsbu serjament ħalli jġibu f’pajjiżhom dan l-unur li qatt ma rebħu minkejja bosta tims kbar matul is-snin. Oppożizzjoni mhux daqstant iebsa fil-grupp .

Fil-kontinent taghħom, il-Kamerun jibqgħu, minkejja inkonsistenza kbira matul iż-żmien, fost l-iktar tims iebsin biex tegħleb. L-Iljuni jistgħu javvanzaw skont il-forma ta’ Samuel Eto’o. B’saħħithom fiżikament u letali bil-kontra-attakk f’formazzjoni ta’ 4-3-3, il-Kamerun huma opposizzjoni iebsa għal kull team. 

Assenti fl-aħħar edizzjoni, id-Danimarka reġgħu jinsabu hemm. Ikkwalifikaw minn grupp ferm iebes u spiccaw qabel il-Portugall u r-rivali Skandinavi l-Iżvezja. Kruċjali ħa tkun il-partita kontra l-Kamerun li tista’ tiddetermina min minnhom jgħaddi flimkien mal-favoriti, l-Olanda.

Il-Ġappun fuq il-karta jidhru l-aktar team dgħajjef fi Grupp E. Jibbażaw ħafna fuq il-playmaker xellugi u speċjalista tas-set-pieces, Shunsuke Nakamura. Waqt li l-poplu Ġappuniż jixtieq ħafna l-kwalifikazzjoni għat-tieni fażi, l-eliminazzjoni kmieni tidher iktar realistika.

Logħba Kruċjali: id-Danimarka vs l-Kamerun – 19 ta’ Ġunju
Plejers Interessanti: Arjen Robben, Robin van Persie, Wesley Sneijder (l-Olanda) Samuel Eto’o, Alexandre Song (il-Kamerun) Nicklas Bendtner, Daniel Agger (id-Danimarka) Shunsuke Nakamura, Takayuki Morimoto (il-Ġappun)


Grupp F: Mit-trijonf maġiku f’Berlin f’Lulju 2006 għaddew kważi 4 snin u daqstant ieħor għaddew minn fuq il-plejers li jifformaw il-bażi tat-tim Taljan u li reġgħu ġew mgħajta mill-kowċ Marcello Lippi. Filwaqt li m’għandhomx ifallu milli jgħaddu mill-grupp, it-test veru ghat-Taljani jibda mit-tieni fażi. Mhux fost il-favoriti netti għat-titlu imma t-Taljani bħas-soltu ikunu fost il-konkorrenti diretti.

Is-sorpriża mill-CONMEBOL għal din l-edizzjoni kienet il-Paragwaj, fejn, għal ħafna zmien, kienet fil-kmand tal-klassifika. It-team jistrieħ ħafna fuq il-qawwa ta’ żewġ plejers ta’ klassi fuq quddiem, Santa Cruz u Cardozo. L-aqwa li qatt waslu kien post mal-aħħar sittax u jekk jergġħu jagħmluha ma tkunx sorpriża.

Is-Slovakkja, bħas-Serbja, qed jieħdu sehem għall-ewwel darba bħala nazzjon indipendenti. Meqjusin outsiders f’dan il-grupp, jipposjiedu plejers ta’ talent bhal Skrtel, Hamsik u Vittek. F’dan il-livell ma jidhirx li għandhom l-esperjenza meħtieġa però għandha tkun edizzjoni li tħalli l-frott għal quddiem. 

New Zealand, pajjiż fejn l-isport ewlieni huwa r-rugby, diġà għandhom biex ikunu kuntenti li jinsabu fl-Afrika t’Isfel. Jidhru bħala l-iktar team dgħajjef tal-kompetizzjoni, imma xi kultant l-impressjonijiet iqarrqu. 

Logħba Kruċjali: l-Italja vs l-Paragwaj – 14 ta’ Ġunju
Plejers Interessanti: Gianluigi Buffon, Giorgio Chiellini,  Daniele de Rossi (l-Italja) Justo Villar, Oscar Cardozo (il-Paragwaj) Marek Hamsik, Robert Vittek (is-Slovakkja) Ryan Nelsen (in-New Zealand)


Grupp G: Meqjus bir-raġun bħala l-grupp tal-mewt. Bejn il-Brażil, il-Portugall u l-Kosta tal-Ivorju mistennija battalja għal 2 postijiet waqt li l-Korea ta’ Fuq jidhru kemmxejn distakkati. Il-Brażil hu l-uniku pajjiż li dejjem ikkwalifika għall-Finali tat-Tazza tad-Dinja u l-iktar li rebaħ finali, ħamsa. Jinsabu fl-Afrika t’Isfel bħala ċ-Ċampjins tal-Amerika t’Isfel u r-rebbieħa tat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet. F’tim li l-ispettaklu u l-fantażija ma jonqsu qatt, il-Brażiljani għandhom plejers ta’ talent kbir u klassi f’kull dipartiment. Jekk tkompli t-tradizzjoni li l-ebda nazzjon Ewropew ma rebaħ barra l-kontinent, allura t-team tas-Samba huwa l-favorit nett li jagħmilhom sitta. 

Il-“Brażiljani tal-Ewropa”, il-Portugall, batew iktar milli mistenni biex għaddew mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni u kellhom bzonn il-playoffs. Cristiano Ronaldo huwa l-fulkru ta’ dan it-tim u mingħajru tintilef ħafna mill-forza offensiva.  Plejers oħra kruċjali huma l-plejers Brażiljani naturalizzati Portugiżi - id-difensur Pepe, il-midfielder Deco u l-attakkant Liedson.

F’tim kompost minn plejers li ħafna minnhom jilagħbu mal-aqwa klabbs Ewropej, il-Kosta tal-Ivorju jħossu li m’huma inferjuri għal ħadd. Jibbażaw ħafna mil-logħba aktar fuq l-individwalità tal-plejers milli fuq il-kollettiv. Huwa mistenni ħafna minnhom u tkun ħasra jekk jibqgħu barra mit-tieni fażi. 

Bhal kull ħaġa oħra marbuta ma’ dan il-pajjiż, ftit hu magħruf anke fuq it-tim nazzjonali tal-Korea ta’ Fuq. L-aħħar li dehru fil-finali tat-Tazza tad-Dinja kien fl-edizzjoni tal-1966 meta kienu ssorprendew lit-Taljani. Xi ħaġa simili tidher impossibli.

Logħba Kruċjali: il-Portugall vs l-Kosta tal-Ivorju – 15 ta’ Ġunju
Plejers Interessanti: Maicon, Robinho, Luis Fabiano (il-Brażil), Cristiano Ronaldo, Liedson, Bruno Alves (il-Portugall) Kolo Toure, Didier Drogba, Guy Demel (il-Kosta tal-Ivorju) Jong Tae-Se (il-Korea ta’ Fuq)


Grupp H: Iċ-Ċampjins Ewropej, Spanja, fuq il-karta m’għandhom l-ebda ostaklu fi Grupp H. Tajbin f’kull dipartiment, La Furia Roja għandhom 2 Plejers ta’ klassi f’kull pożizzjoni. Jilagħbu futbol tekniku u li jpaxxi l-għajn, Spanja hija l-favorita tal-bookmakers li jsiru Ċampjins tad-Dinja għall-ewwel darba. 

Il-Honduras huma meqjusin bħala l-‘underdogs’ f’dan il-grupp u din hija biss it-tieni dehra fil-finali tat-Tazza tad-Dinja wara dik tal-1982.  Jistrieħu fuq it-talent ta’ Wilson Palacios u l-esperjenza tal-attakkanti Carlos Pavon u David Suazo. 

Taħt it-tmexxija tal-kowċ Arġentin Marcelo Bielsa (imlaqqam El Loco), ic-Ċili kienu r-rivelazzjoni taż-żona CONMEBOL. Mistenni jkun kruċjaliil-konfront mal-Iżvizzera għal post fit-tieni fażi flimkien ma’ Spanja. Għandhom skwadra  żgħira fl-età u jiddependu fuq il-veloċità ta’ Alexis Sanchez u l-gowls ta’ Humberto Suazo.

Bi skwadra mimlija plejers li jilagħbu barra l-pajjiż, l-Iżvizzera jisperaw li did-darba wkoll jirrepetu l-kwalifikazzjoni mill-grupp bhal 4 snin ilu. Skurjaw f’kull logħba tal-grupp ta’ kwalifikazzjoni però l-formazzjoni tal-Iżvizzera tidher nieqsa minn plejers li kapaci jagħmlu d-differenza meħtiega għalkemm immexxija minn kowċ ta’ esperjenza kbira bħall-Ġermaniż Ottmar Hitzfeld.   

Logħba kruċjali: iċ-Ċili vs l-Iżvizzera – 21 ta’ Ġunju
Plejers Interessanti: Xavi Hernandez, David Villa, Sergio Ramos (Spanja) Wilson Palacios, David Suazo (il-Honduras) Mark Gonzalez, Arturo Vidal (iż-Ċili) Tranquillo Barnetta, Gokhan Inler (l-Iżvizzera)

No comments:

Post a Comment