Monday, October 29, 2012

Laqgħa Storika - Trez

Laqgħa Storika

Ma kontx qed inħossni rilassat bħas-soltu. ’Qas xejn. Jien li dawn l-affarijiet ma tantx jagħmlu bija. Imma dakinhar, il-Ħamis imqaddes ta’ lejla tipika ta’ Marzu, lill-istudenti quddiemi ma rajthomx bħas-soltu. Bdejt nistħajjilhom minjaturi ta’ Braveheart. Daqqa xi wieħed minnhom jittanta jdaħħaq, u niftakar fil-William Wallace tal-pjazza jgħid iċ-ċajt tipikament doppju sens. Daqqa nilmaħ lil xi student jipprova jsolvi xi story sum ekonomika u nimmaġina lill-Iskoċċiż – aktar tard dakinhar – jiċċassa lejn il-menù u jaqleb għajnejh hu u jifli l-prezzijiet u jikkontja f’moħħu l-baġit.

Din il-laqgħa storika, denja - u kważi kważi aktar importanti mil-laqgħa bejn George H. Bush u Mikhail Gorbachev ’il barra minn Marsaxlokk fuq aircraft carrier Amerikan f’maltemp tal-beati pawli – ġagħlitni nħossni eċċitat immens. Ma stajtx nispjegaha. Għax kif se taqbad tispjega li int eċċitat li se tiltaqa’ ma’ raġel? Sakemm skoprejt, grazzi għall-mitiku Facebook, li ma kontx waħdi. Stħajjiltni qiegħed f’Berlin tal-1989. Fuq ix-xwiek niskopri x’kien hemm fuq in-naħa tad-DDR. Fuq in-naħa l-ohra tal-ħajt.

Konna deċiżi li nħallu l-għażla tal-ikel f’idejh – il-kritiku pereċċellenza tar-restoranti medjobaxxi – f’din l-ewwel avventura tiegħu fid-dinja tal-fine dining. Tgħid kienet deċiżjoni għaqlija?

Ftehemna li fit-tmienja u nofs bumm niltaqgħu quddiem il-bieb tal-Fortina, qisna l-pasturi tat-tafal fil-presepji ta’ Wistin Galea, li kien jarma fil-forn ta’ Ħ’Attard. L-awtur ċelebri kien xettiku għall-aħħar li Braveheart joħroġ minn qiegħ l-Isla u jiġi Tas-Sliema. Għarralu. U bl-ikrah ukoll. Kwarta qabel il-ħin previst - jien u nevita ħofra fonda aktar mill-baħar tal-Għadira – nirċievi sms mill-Ġermaniż tal-Lvant li kien ġa wasal. Ħerqan għafast il-gass u f’kemm ilni ngħidilkom sibt ruħi nieħu b’idejn il-kompatrijott ta’ Hellfire.

Il-bużillis beda x’ħin waslu l-menuwijiet. Bejn boqqa u oħra tas-Soave – li jdejja kienu kesħin aktar minnu - kulħadd kien mitluf f’x’se nagħżlu. Tmur tiekol Ċajniż ifottik. Mhux faċli daqslikieku ntfajt quddiem à la carte. Min jgħid li l-banquet menu bomba. Min jipproponi s-set menu. Ħassejtni konfuż għall-aħħar. Wara xi ħames minuti nħambaq – qisni Ġwanni l-Battista f’nofs id-deżert – li jien kont diġà mort darb’oħra hemm, stenbħu. Spjegajtilhom kif kien l-aħjar li nagħmlu. Il-wiċċ imqarras ta’ Patria u Brave faċċata tiegħi ma ħallilix dubju li ma kinux qed jaqblu. Tfajna l-ballun f’saqajn il-wejter. Hu kien iħoll u jorbot. Qatagħha li l-aħjar raġunament kien tas-sottoskritt. 

Kulħadd – ibda minni l-ewwel wieħed – deher aktar kwiet mis-soltu. Tgħid konna maħkumin mis-solennità tal-okkażjoni storika?

Sparkling water?” saqsietni l-wejtress ta’ mezz’età b’dak l-aċċent tipikament Asjatiku. Xtaqt li kienet iżgħar u iktar ħelwa. L-ikel jinżel aktar għasel. Ix-xorti ma daħqitlix.

Kif waslu l-istarters, wiċċ LasPalmas u Braveheart – li stħajjilthom għaddejjin minn xi sawma tar-Ramadan – ħa r-ruħ. Ħafnu l-platter bl-ispringrolls tal-papra u d-dimsums tal-ħaxix qishom iljuni. Daqqa fuq il-Lejber u daqqa fuq Gonzi, daqqa fuq il-bankijiet u x-xjuħ li jintasbu l-pjazza, u l-ħin tar. Kien wasal ħin l-intermediate – nofs papra con i fiocchi. Rajniha ħafna, imma għall-kuntrarju tal-miraklu ta’ Kristu fuq il-muntanja, ma ħallejniex żejjed. Tiskanta u titnixxef.

Id-diżappunt uniku tal-lejla kien wara l-kantuniera. Il-mains. Wisq normali. Wisq bland. Stennejthom aħjar. Ferm aħjar. Almenu ċ-ċajt li beda għaddej serva biex inissina xi ftit. Fil-kuntest ta’ din il-ġrajja li se tibqa’ msemmija fl-annali dan id-diżappunt huwa xi ħaġa sekondarja. L-aktar meta tqis li safrattant kienet bdiet diskussjoni filosofika denja ta’ Sartre dwar pastizzi sufin, John Holmes u filmati amatorjali lokali. Il-William Wallace tal-Isla jiftaħ idejh jurina kemm hu intiż. Ix-Xlukkajr ma riedx ikun b’inqas. 

Kif ġie l-kont, wara ġelat normalissimu li għoddu ħallieni bid-dentatura, Braveheart b’ħeffa miċidjali kien pront iddividihom u kkonvertihom f’Maltin – ovvjament mingħajr iċ-ċenteżmi. U hekk intemmet għad-duħħan ta’ sigarett din l-ikla.

X’qalet mart Braveheart kif qalilha li nefaq 45 ewro fuq ikla Ċajniż ma nafux...

No comments:

Post a Comment