Monday, October 29, 2012

L-Indipendenza - Manuel

L-Indipendenza



 
Fl-1964 kelli disa’ snin.

Trabbejt f’familja tal-ħaddiema u ommi u missieri, sa ftit tas-snin qabel, kienu jqisu lilhom infushom bħala Laburisti. Imma, ta’ Kattoliċi konvinti li kienu, malli l-Knisja ddikjarat li kien dnub mejjet li tivvota Labour, taqra l-gazzetti Laburisti jew tmur attivitajiet politiċi tal-MLP, kontra qalbhom iddeċidew li ma jappoġġjawx lill-MLP sakemm il-kundanna tad-dnub il-mejjet titneħħa. Ma kinux jafu kif se jaqbdu jġibu ruħhom politikament: lill-MLP ma setgħux jivvutawlhom u lin-Nazzjonalist ma tantx kienu iġerrgħuhom. Fortunatament, fost il-ħemel partiti li faqqsu dak iż-żmien nibet ukoll il-Partit tal-Ħaddiema Nsara ta’ Pellegrini, ex-attivista Laburista li kien jemmen fil-Laburiżmu Nisrani.

L-isfond politiku partiġġjan huwa importanti, għax bħal ħafna affarijiet oħra, il-fehma ta’ ħafna nies fuq l-iżvilupp politiku tal-pajjiż tingħaġen skont dak li jgħid il-partit li kienu jżommu miegħu. Fis-snin 60, in-Nazzjonalisti kienu favur l-Indipendenza b’saħħithom kollha għalkemm sa għaxar snin qabel l-aktar li kienu waslu biex jitolbu mingħand l-Ingliżi, kien li jagħtuna “Quasi-Dominion Status”.

Fl-1955, Mintoff kien tela’ fil-Gvern bl-għajta ta’ “Integration or Self-Determination”, imma ir-rizultat tar-referendum li sar fl-1956 kien meqjus bħala “mhux deċiżiv”. Minkejja dan in-negozjati dwar l-Integration issuktaw, imma malajr ħabtu mal-iskoll tal-finanzi u l-impjiegi. Mintoff ried aktar flus immedjatament u talab ukoll garanzija mill-Gvern Ingliż li ma jagħtix sensji lill-ħaddiema tat-Tarzna. L-Ingliż ma aċċetawx, u kien jidher ċar li l-prospett ta' l-Integration kien għosfor. Mintoff talab l-Indipendenza, imma l-Ingliżi  ma ridux jafu.  Ftit wara l-Gvern Malti  irriżenja, u nqalgħu irvellijiet serji li wasslu biex l-Ingliżi rtiraw il-Kostituzzjoni. Bqajna mingħajr Gvern Malti għal erba' snin.

L-elezzjoni tal-1962 intrebħet min-Nazzjonalisti. Proprjament il-PN ġab 25 siġġu minn 50, imma ftit wara l-elezzjoni Kurunat Attard (missier l-Ministru Ġovanna Debono), membru parlamentari tal-Partit Demokratiku Nazzjonali  ta’ Ganado, ingħaqad mal-PN.  Il-Gvern tal-PN minnufih għamel it-talba għall-Indipendenza. L-MLP kien, naturalment, jaqbel li Malta ssir indipendenti, imma ma aċċetax it-termini li ftiehmu fuqhom il-Gvern ta’ Borg Olivier u l-Ingliżi, jiġifieri li l-Ingliżi jibqgħu jikkontrollaw ix-xandir, il-port, l-ajruport, ir-Reġina tibqa’ il-Kap tal-Istat u l-Gvernatur li jirrapreżentaha jibqa’ Ingliż.

F’Mejju tal-1964 sar referendum fuq il-Kostituzzjoni li l-Gvern Malti kien qed jipproponi li tidħol fis-seħħ wara l-Indipendenza. Il-PN ħeġġeġ lill-Poplu jivvota ‘Iva” fil-waqt li l-MLP insista li jivvutaw “Le” għax Mintoff ried idaħħal fil-Kostituzzjoni il-libertà tat-twemmin, iż-żwieġ ċivili, impediment lill-Knisja milli timponi d-Dnub il-Mejjet fuq il-votanti u proposti simili. L-“Iva” “rebaħ” ir-referendum għax ġab 54.47% tal-voti validi, 50.69% tal-voti mitfugħa, u 40.38% tal-voti reġistrati. Tmien snin qabel, vot ta’ 77% tal-voti validi, 75% tal-voti mitfugħa u 44% tal-voti rreġistrati favur l-Integration kien meqjus (mill-Ingliżi) bħala mhux ċar biżżejjed. Kien ovvju li l-Ingliżi kienu kuntenti ħafna bit-Trattat li nnegozja magħhom Borg Olivier.

Ftit li xejn niftakar minn dawk l-avvenimenti. Baqa’ mwaħħal f’moħħi riklam fl-Orizzont li kien iħeġġeġ lill-Maltin jivvutaw għal-“Le” fil-kaxxa l-ħamra. Niftakar konverżazzjonijiet b’leħen baxx id-dar bejn ommi,  missieri u dawk li kienu jiġu minna bl-ismijiet ta’ Mintoff, Borg Olivier, l-Arċisqof, Mabel, Ganado telgħin u neżlin.  Kont smajt lil min jgħid li kienet saret xi protesta kontra d-Duka ta' Edinburgh - li kien ġie jirrappreżenta lir-Reġina għaċ-ċerimonja - u li l-Mintoffjani kienu waddbulu munita ta' sold. Niftakarni ngħid, bejni u bejn ruħi, li dawn il-Mintoffjani sinjuri mhux ħażin biex jaffordjaw iwaddbu sold minflok ġebla. Fuq kollox niftakar ċar li lit-tfal tal-iskola kienu ħaduna l-Arena tal-Indipendenza (kif kienet saret jisimha ix-Xagħra tal-Furjana) biex niċċelebraw l-avveniment. Tawna bnadar ta’ Malta żgħar u boroż bit-toffee isfar. Xejjirna l-bnadar b’kemm kellna ħila, imma ħadd minna ma kien jaf propjament għaliex……..

Kien biss snin wara li sirt naf li ommi u missieri, u kważi z-zijiet kollha, bħal ħafna Laburisti li ma baqgħux jappoġġjaw lil Mintoff, ma kinux ivvutaw fir-Referendum. U kellhom igerrbu s-snin sakemm irrealizzajt  li kieku ma kenitx l-Indipendenza, bin-nuqqasijiet kollha tat-Trattat li rregolaha, ma konniex naslu biex nieħdu rajna f’idejna għal kollox fl-1979, u biex nidħlu fl-Unjoni Ewropea fl-2004.

No comments:

Post a Comment