Monday, October 29, 2012
Ma chi se ne frega mid-divorzju? - Gods
Tixgħel it-TV u tisma' fuq d-divorzju. Iddur fit-triq u tisma' fuq id-divorzju. Dejjem l-istess argumenti jirbumbjaw. Anke l-Madonna, skont Anġelik, qiegħda titkellem fuq id-divorzju. Possibli li dal-poplu (flimkien mal-Madonna) m'għandux fuq xiex jitkellem u jinkwieta? Tipo ... hemm gwerra għaddejja erba' passi 'l bogħod minna, b'riperkussjonijiet anke għal pajjizna. Għandek il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li qed jisparaw 'il fuq, b'ħafna nies lanqas qed ilaħħqu mal-ħajja. Dawn mhux iktar importanti minn żwieġ ċivili bejn żewġ poġġuti li tista' tieħdu xorta waħda jekk tmur extended holidayerba' passi 'l bogħod minn Malta?
U xi ngħidu fuq il-paroli fil-vojt? Il-Knisja tagħmel għall-flus! Min irabbihom it-tfal fl-istituti? Il-Bekkej tal-Mistra, il-kristjani foloz u s-soċjalisti forsi? Le, ġenju ...il-Knisja! U min-naħa l-oħra ...Flimkien għal Uliedna? Qatt innutaw kif it-tfal huma ttrattati u użati minn koppji sseparati?
X'naħseb fuq id-divorzju? Per prinċipju ma naqbilx miegħu. Nemmen li jkun aħjar jekk - minflok noqogħdu nparlaw fuq iż-żoċċ ta' divorzju nieqfu milli nzewġu kull ċuċ li jeżisti. Biżżejjed niftakar ċertu korsijiet ta' żwieġ li attendejt jien. Koppji li ħa jmorru jgħixu għand il-mummy ghax hi taf x'inhu l-ġid tagħhom. Mara li l-ħin kollu tgħajjar lir-raġel illitterat u injorant. Raġel li meta jfettilu jisparixxi u jidher xi ġimagħtejn wara. Dawn KOLLHA ġew intitolati li jiżżewġu. Imbagħad għala ż-żwiġijiet jitkissru?
Tifhmunix ħazin, każijiet ġenwini fejn naqbel mad-divorzju hemm: nisa msawtin wara li r-raġel (li kien anġlu qabel ma żżewweġ) inbidel wara xi traġedja f'ħajtu u każijiet oħra simili. Biss, fil-maġġoranza assoluta, iż-żwigijiet jitkissru minħabba nuqqas ta' bażi - jew psikoloġika (ie tnejn jiżżewġu mingħajr lanqas ma jkunu jafu lil xulxin), jew finanzjarja (għax minkejja li għandna gvern Demokristjan u oppożizzjoni Soċjalista l-ħajja f'Malta għaż-żgħażagħ, speċjalment dawk onesti, baqgħet dejjem togħla) jew għax il-koppja kienet magħmula minn żewġ kretini.
F'dawn il-każijiet id-divorzju m'hu ħa jsolvi xejn, anzi ħa jżid il-problema. Għax dawn jinħallu mill-ewwel (forsi b'xi bejbi frott ta' din l-imħabba) u mingħajr tagħlim spiss jerġgħu jaqgħu fl-istess ħofra.
Allura Gods kontra d-divorzju? Le. Nemmen li d-divorzju hu dritt, nemmen ukoll li pajjiżna wasal iż-żmien li joħrog mill-Medju Evu - bil-Prim jiftaħar kemm hu miexi fi triq it-tajba għall-beatifikazzjoni - u nsiru (fl-aħħar) realisti. Li ma naqbilx hu kif id-divorzju qed jiġi propost mill-private member's bill ta' Pullicino Orlando u Bartolo. B'liema dritt persuna li mar qelibha lill-partner tiegħu - b'riskju li anke ibellgħalha xi marda - għandu jimponi d-divorzju anke jekk il-vittma ma tridx? B'liema dritt persuna li ddivorzja elf darba u ħalla frott lit-taxpayer biex irabbih (ngħiduha kif inhi, jekk persuna għandu 12-il tifel u tifla qajla ħa jkollu flus biex imantnihom kollha) jibqa' jiddivorzja għal elf darb' ohra?
U ħasbu, Pullicino Orlando u sħabu, bil-possibilità ta' nies li jiżżewġu għaċ-ċittadinanza biex imbagħad jinfirdu minn mal-partner biex (min jaf?) anke jniżżlu r-razza u r-radika li kellhom barra hawnhekk b'mod legali?
Nemmen fid-divorzju, biss f'divorzju verament responsabbli fejn il-piż tal-konsegwenzi jerfgħu min hu ħati u la l-istat, la l-vittma u lanqas it-tfal li f'dawn is-sitwazzjonijiet kienu, għadhom u jibqgħu jintlaqtu ħażin.
Fl-aħħar mill-aħħar ma jinteressanix id-divorzju fuq livell personali. Kuntent miżżewweġ u jekk, Allaħares qatt, ma nibqax miżżewweg naffronta l-problemi bl-għodda li jkolli dak iż-żmien kif dejjem għamilt (mingħajr ma nippretendi li l-istat jibdel ir-regoli kollha għalija). Il-problemi issolvihom INT u mhux tippretendi lil xi ħadd isolvihomlok, b'garanzija li kemm jekk jidħol u sew jekk ma jidħolx d divorzju l-affarijiet jibqgħu l-istess - aqta' fil-kwistjoni ta' flus, fejn ebda gvern ma jiddejjaq idaħħal idejh fil-bwiet tat-taxpayer biex jidher sabiħ.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment