Monday, October 29, 2012

Il-Ħajja fuq ir-Rota - Salvu Werwer

  Il-Ħajja fuq ir-Rota

Ħafna nies tistagħġeb meta tara ċiklista jġorr ruxxmata basktijiet fuq ir-rota. Twaqqfu u tistaqsih fejn hu sejjer u mnejn hu ġej, u meta dan jgħidilha, l-għaġeb ikompli jikber. Hawn min jifraħlu u hawn min jgħaddih b'miġnun. Id-dinja tal-lum ftit li xejn hi lesta tifhem dan it-tip ta' ġenn. Qatt ma kienet tifhmu biex ingħid id-dritt. Minn dejjem kien hemm bħal xettiċiżmu li r-rota tista' sservi bħala mezz ta' trasport, aktar u aktar jekk fit-tul. L-istoriku James McGum jitkellem dwar imħatri li kienu jsiru f'Londra fid-19-il seklu fejn sewwieqa ta' roti hekk imsejħa hobby-horses (roti li timbuttahom b'saqajk fl-art u mhux bil-pedali) kienu jisfidaw il-kuċċiera tal-karozzelli miġbuda miż-żwiemel. Jissemma' wieħed li rnexxielu jtellaq ma' karozzella miġbuda minn 4t iżwiemel minn Londra sa Brighton u wasal nofs siegħa qabilha. Fi Franza ċ-ċikloturiżmu kien beda wkoll fid-19-il seklu u għadu qawwi sal-lum il-ġurnata. Però, il-veloċità mhix l-għan aħħari ta' vjaġġ fit-tul bir-rota kif se nuri aktar 'il quddiem.

Meta tivvjaġġa bir-rota, trid jew ma tridx, dejjem għandek aktar kuntatt ma' dak li hemm madwarek u tgawdih bil-wisq iżjed. Tara l-veduta b'mod aktar kajman u tiltaqa' wiċċ imb wiċċ ma' nies li jgħixu fil-post. Tħossok parti mill-inħawi u mhux maqful ġo gaġġa insulat minn dak kollu li qiegħed jiġri madwarek. Is-sabiħ tesperjenzah bl-istess intensità daqs l-ikrah u tieħu idea aktar ċara ta' dak li qiegħed tiltaqa' miegħu. Id-differenza minn safar konvenzjonali qisha l-ilma fejn in-nar. Tħoss ukoll ċerta libertà li tista' taraha biss mil-lenti ta' ċiklista. Tieqaf fejn trid, tmur fejn trid, u fl-aħħar mill-aħħar tista' tiekol kemm-il pasta u ħelu tradizzjonali trid, bla ebda biża' li se teħxien! X'hemm isbaħ milli tieqaf quddiem kafetterija bir-rota f'xi ċentru storiku, titfagħha ħdejk, tpoġġi bilqiegħda ma' mejda u tgawdi xi pasta u belgħa kafè wara ġurnata taqdef qalb il-kampanja? Sabiħ meta tgħaddi minn dawn l-esperjenzi waħdek, u sabiħ ukoll meta mat-triq tiltaqa' ma' ċiklisti oħrajn u magħhom taqsam dawn l-esperjenzi. Mhix okkażjoni rari li jkollok dan iċ-ċans, speċjalment f'inħawi fejn iċ-ċikloturiżmu tant huwa komuni.

L-ewwel darba li tista' tgħid ivvjaġġajt bir-rota kien meta kelli 13-il sena. Kont tlajt ma' sieħbi sar-Ramla l-Ħamra, Għawdex, u konna tlaqna filgħodu kmieni, għall-ħamsa. Kien għadu kemm beda jbexbex. Konna domna nippjanaw din il-mawra għal ġimgħat sħaħ u tad-dar xejn ma kienu ħadu gost bl-idea. Kellna nkunu grupp ta' 5 iżda filgħodu l-mowbajl ma setax jieqaf idoqq. Mhux bl-eċċitament li ħassew l-erbgħa l-oħra imma b'messaġġi jgħidu li ma setgħux jiġu. Fl-aħħar mill-aħħar spiċċajna tnejn biss u qtajnieha li nagħmluha xorta. Wara kollox, ma kienx hemm għalfejn inkunu pellegrinaġġ. Kelli rota li xejn ma kienet ta' barra minn hawn imma kienet il-mimmi t'għajnejja u għalkemm xejn ma kont nagħtiha żejt dak iż-żmien, bl-eċċitament li kelli lanqas biss ħassejtha t-telgħa tal-Mellieħa. Aħna u ġejjin lura x-xorti messet mod ieħor. Ir-rota qatgħet qalbha f'nofs it-telgħa tar-Ramla u nqalgħetli l-pedala. Kelli nieqaf insewwiha r-Rabat u wasalna b'wiċċ il-ġid lura d-dar filgħaxija. Ħsibt li wara dan il-vjaġġ konna se nibdew nitilgħu b'mod regolari imma kelli nistenna 3 snin oħra qabel erġajt tlajt waħdi Għawdex iżda mbagħad saret xi ħaġa ta' darbtejn jew tlieta fix-xahar. Għal xi raġuni l-ivvjaġġar bir-rota jiżviluppa f'vizzju, vizzju tajjeb imma, li jsaħħek. Ladarba tibdieh ma tkunx trid tieqaf. Tkun trid tibqa' tesplora u timraħ fuq art ġdida. Tħossok qisek Kristofru Kolombu tiskopri triq wara triq wara triq, u kull triq turik affarijiet ġodda. Kull triq dejjem aktar imbiegħda.


Vjaġġ twil bir-rota mhux wisq differenti minn dawra ta' ġurnata bħal dik ta' Għawdex. L-akbar differenza hija li f'nofsinhar ma tridx tibda taħseb biex terġa' lura imma biex tara fejn se tispiċċa għal-lejl u tkompli l-mawra l-għada filgħodu. Kulma għandek bżonn għal ġirja ta' ġurnata għandek bżonnu għal meta tmur vjaġġ itwal, bid-differenza li trid taħseb aktar fit-tul. Trid tagħraf issewwi ħafna problemi li jafu jinqalgħu, anki jekk b'soluzzjoni temporanja għax ma jista' jiġi ħadd għalik jekk tkun tant bogħod mid-dar. Biżżejjed imma jekk tasal fil-belt li jmiss u tidħol tirranġaha f'ħanut. Ħafna nies li tiqfilhom il-karozza waqt is-safar iċemplu lil xi kumpanija li tirmunkahielhom. Dan is-servizz ma jeżistix għar-roti, imma tal-anqas ir-rota mhix goffa wisq u għalhekk f'każ ta' bżonn dejjem tista' tgħabbiha f'ferrovija jew f'karozza tal-linja.

Allura kif inhi l-ħajja fuq ir-rota? Mhix wisq differenti mill-ħajja ta' kwalunkwe vjaġġatur ieħor. Jekk ikun is-sajf, il-ġurnata tibda kmieni ħafna, ma' sbiħ ix-xemx jew ġieli anki maż-żerniq. Dan insibu bħala l-aħjar ħin biex nivvjaġġa għax is-sħana ma tkunx għadha laħqet il-qofol tagħha u n-nies tkun għadha ma ħarġitx għax-xogħol b'hekk it-traffiku jkun minimu u tilħaq tagħmel distanza ġmielha bla xkiel. Mat-tmienja l-aptit ikun fetaħ ġmielu u l-ewwel waqfa tkun għat-trejjiq. Importanti li wieħed ma jikolx wisq għax l-ingumbrar tal-istonku jġagħlek titheddel u agħar u agħar, iħawwadlek l-istonku jekk terġa' taqbad issuq fuq stonku mimli. L-aħħar u l-isbaħ ħaġa hija li fejn jogħġbok tista' tieqaf bla ebda rbit ta' xejn. Ir-rota, barra milli sservi ta' vettura li tieħdok minn belt għal oħra, hija wkoll mezz ta' trasport prattiku ħafna fil-belt infisha u għalhekk tevitalek ħafna mill-problemi relatati mat-trasport pubbliku. Bir-rota tista' tmur fejn trid fi x'ħin trid, u malajr.

Nispera li b'dawn il-kelmtejn tajt idea ta' x'hemm wara din in-namra mar-rota. Il-vjaġġi bir-rota huma meravilja li biex tifhimha trid tippruvaha. Nies li bdew vjaġġ ta' ftit xhur u wara snin sħaħ baqgħu iduru fuq ir-rota jgħoddu bil-bosta. Ara tkunx wieħed minnhom inti wkoll! Jiena ma ndumx ma nibda d-dawra tiegħi madwar id-dinja jekk kollox imur sew.


No comments:

Post a Comment