Thursday, May 24, 2012

Xagħar - Ħrafa ta' Alex Vella Gera

Xagħar - Ħrafa ta' Alex Vella Gera




Is-siparju jiftaħ f’pajjiż imbiegħed, f’epoka oħra, forsi f’univers ieħor, fejn in-nies kollha, f'saħħithom jew morda, tfal, irġiel, u nisa, u tabilħaqq l-annimali, m’għandhomx imqar xagħra jew sufa waħda fuq ġisimhom, u qatt ma raw ix-xagħar b’għajnejhom. Kif ta’ spiss jiġri fil-ħrejjef, ġara darba li f’din l-art twieldet tarbija speċjali, tarbija mirakoluża.

L-ewwel ħaġa li raw għajnejn missierha u l-qabla hi u tiżloq ’il barra minn ommha, kien il-pil ħafif ileqq fuq rasha. F’dal-pajjiż fejn lanqas ix-xoffa ta’ fuq tal-ixjeħ xiħa ma tkun inkurunata bil-mustaċċi li jkollhom in-nanniet tagħna, ma nistagħġbu xejn li baqgħu skantati meta raw il-materjal skur fuq ras dik il-kreatura tnewwaħ u twerżaq.

It-tarbija saret tifla, li ħlief għax-xagħar fuq rasha, kienet bħall-bniet kollha l-oħra. Ir-raħal kien ġo wied ċkejken li min-nofsu kienet tgħaddi t-triq prinċipali għall-Belt Irjali. Kienu bosta l-vjaġġaturi li għaddew minn hemm mingħajr ma jagħtu kas, u oħrajn li bix-xorti kellhom l-opportunità jerfgħu għajnejhom fuq it-tfajla mistagħba, u jistagħġbu huma biha, b’xagħarha, li sena wara sena twal u twal, għaliex ħadd ma kien jobsor li b’sikkina jew xafra seta’ jinqata’ faċilment.

Ta’ erbatax-il sena kienet saret xebba li kull ftit passi titgerbeb f’xagħarha, li kien jaslilha sal-għaksa. Bdiet tiġbru f’bukkett u żżommu fi xkora mdendla wara daharha; kull fejn kienet tmur in-nies kienu jisktu u jbaxxu rashom quddiem ix-xebba bil-ħarir fuq rasha.

Sakemm, darba waħda, tfaċċa l-emissarju mill-palazz. Il-kelma kienet laħqet Widnet is-Sultan u l-istorja tax-xebba mirakoluża qanqlet Fih interess Irjali. Ried Jaraha minnufih, b’Għajnejh Ѕtess. Meta l-emissarju tefa’ għajnejh fuqha, bix-xalla madwar rasha u x-xkora maħmuġa mdendla wara daharha, qalbu ferfret ġewwa sidru. Is-segretarju tiegħu għaddielu parċmina ħoxna bit-timbru tqil tax-xema’ ċelesti tas-Sultan.

Fuqha kien hemm miktub:

“Il-Maħbub Sultan Ċelestjali tagħna Jikkmandak takkumpanja dan is-serv fidil Tiegħu sal-palazz, sabiex Jara b’Għajnejh Ѕtess dik li tant Sema’ dwarha.”

Dakinhar, mal-għabex, għannquha malajr il-ġenituri qabel ma telqet mir-raħal fil-karozzella tas-Sultan miġbuda minn erbat iżwiemel bil-ġilda lewn il-ħalib. Ivvjaġġaw għal lejl u nhar, u ftit li xejn kellmet lill-emissarju jew lis-segretarju, għax kienet mistħija, u għax ma kinitx imdorrija tkun waħedha ma’ rġiel bħalhom, kolti, mill-belt, b’dawk l-għajnejn feroċi u setgħana.

Fil-palazz is-Sultan m’Emminx dak li Ra b’Għajnejh Ѕtess u Kellu Jinżel mit-tron u Jmelles ix-xagħar ħamrani, mewġa fuq mewġa ta’ xagħar aħmar ileqq bħal tessut prezzjuż fid-dawl tal-mijiet ta’ xemgħat idawlu s-sala tat-tron. Għajnejh Ѕwiedu u Rtabu.

“Inti ser tiżżewweġ lil Ibni,” Qal, u l-Maġistrat tal-Palazz, bilqiegħda wara l-iskrivanija tiegħu, dlonk niżżel Kliemu fil-Ktieb tal-Liġijiet.

F’parti mwarrba tal-ġnien tal-palazz kien hemm kamra sempliċi b’sodda u tieqa żgħira. Hemmhekk kellha tgħix ix-xebba sa jum it-tieġ. Is-Sultan Ikkmanda li x-xagħar ma jibqax fl-ixkora qed titmermer u maħmuġa, u jinġarr minflok minn erba’ servi lebsin ingwanti tal-bellus, li xogħolhom issa kellu jkun biss li jħarsu dak il-materjal prezzjuż minn kull ħsara.

L-alkemisti, wara jiem u ljieli sħaħ jiddjalogaw dwar kemm seta’ kien hemm xagħriet individwali jispontaw minn ras ix-xebba, fl-aħħar talbu nokkla ħalli jistudjawha, u s-Sultan Dam Jaħsibha qabel ma Tahom il-Permess biex jiġu skortati sal-kamra fil-ġnien, b’xafra tal-fidda u kaxxa ċkejkna tal-avorju f’idejhom.

U t-tliet filosfi ewlenin tar-Renju kitbu trattat twil u pompuż li dejjaq anke lis-Ѕultan. Urtatu l-iktar il-konklużjoni fejn ikkwotaw l-astronomu xwejjaħ Irjali li kien stqarr qabel ma miet li fis-smewwiet tat-Tramuntana l-kwiekeb kienu wrew biċ-ċar li kien riesaq fuqhom sinjal importanti li kellu jwitti t-triq għal ġrajja kbira. Fl-opinjoni tagħhom din it-tfajla kienet dak is-sinjal.

It-tieġ sar, u l-popolazzjoni kollha ferħet għax ingħata l-ikel b’xejn u saru l-festi fl-imsieraħ kollha; f’kull raħal u f’kull belt il-qniepen daqqew u fil-knejjes u l-kappelli mżejna nġieb ritratt tal-Prinċep u martu mpitter mill-aqwa artist tas-Sultan, kull kopja xogħol l-aqwa studenti tal-bottega tiegħu. Kien hemm min qal li l-artist kien se jħalli barra l-materjal ħamrani fuq ras l-għarusa, iżda dawn żbaljaw għax ir-ritratt offra xbieha perfetta u fidila tal-Koppja Rjali, bil-kuda ta’ xagħar aħmar tal-Prinċipessa tidher prominenti fl-isfond.

Fis-sala tas-sodda, wara t-tieġ, meta sabu ruħhom waħedhom għall-ewwel darba, il-Prinċep niżel għarkupptejh quddiem il-Prinċipessa u fired il-purtiera ta’ xagħar ileqq miġbura madwarha bħas-suttana mżejna ta’ kardinal. Hemm, il-Prinċep skopra bejn kuxxtejha l-għadira ħarir iswed madwar il-fetħa, u bir-rogħda li ħakmitu quddiem dan il-miraklu, kellu jintelaq lura fis-sodda biex jiġi f’tiegħu.

U s-snin għaddew ġmielhom.

Xagħar il-Prinċipessa twal u twaal u twaaal u twaaaal u twaaaaaal.

Biż-żmien faqqsu bosta teoriji li ttantaw jispjegaw ix-xagħar fuq rasha, iżda l-ebda minnhom ma kienet kredibbli, u lanqas l-ikbar alkemisti u studjużi tas-Sultan miġburin fil-palazz għal kungress interminabbli biex jiddiskutu l-fenomenu ma rnexxielhom ifissru x’kienet dik il-veġetazzjoni li ma setgħux jaqbdu tarfha.

M’hemmx għalfejn ngħidu, mar-Renju kollu, kull ġenitur talab li t-tarbija li kien imissha titwieled tkun ukoll imbierka bid-don tax-xagħar, iżda kien kollu għalxejn, u anke dawk li bil-makakkeriji kollha ppruvaw iwaħħlu l-ħarir mal-irjus ta’ trabi jew tfajliet żgħar – uħud minnhom saħansitra waslu biex iħaffru fil-ġilda tat-tfal li sfaw vittmi tar-regħba tagħhom – dawn kollha nqabdu u spiċċaw il-ħabs qalb id-dud u l-firien.

Fil-palazz, maqtugħa għalkollox mid-dinja ta’ barra, il-Prinċipessa bkiet iż-żmien meta kienet tiġġerra ħielsa fil-wied ta’ raħal twelidha. Malajr xebgħet tagħmilha ta’ ġawhra prezzjuża, waħedha mas-servi tagħha bl-ingwanti tal-bellus li qatt ma kienu jinżgħu, u bdiet tqis xagħarha bħala formazzjoni morbuża li bil-mod il-mod kienet qed toħnoqha u żżommha ’l bogħod mid-dinja tal-bnedmin. Ix-xagħar qatt ma mess ma’ sikkina jew xafra, u l-Prinċipessa ġieli kienet tippassiġġa fil-kuruturi u s-swali tal-palazz liebsa biss il-mantell ta’ xagħarha, warajha l-erba’ servi jżommu t-truf milli jmissu mal-art, u quddiemha kavallier li xogħlu kien li jkeċċi min-nofs kull min kien jinzerta għaddej.

Fis-sala tas-sodda ħadd ma tħalla jidħol ħlief dawk l-erba’ servi fidili, il-Prinċep, u s-Sultan. Kull ħmistax ix-xagħar kien jinħasel f’ċerimonja li kienet iddum jum u lejl, u wara, is-Sultan Kien Iżurha u Jġegħelha tkantalu xi għanja minn tfulitha, waqt li Jitniehed u Hu Jmellsilha xagħarha. Mill-viċin Ѕeta’ Jinnota kif il-ħarir ma kibirx biss fuq rasha iżda wkoll ma’ dirgħajha, ma’ għonqha, u ma’ saqajha, filamenti minuskoli bħall-ħaxix salvaġġ fl-għelieqi ta’ wara l-palazz.

Darba waħda, hi u tkanta, Qabad ponn xagħar minn rasha u Ġibed. Bdiet twaħwaħ u tibki bl-uġigħ, u s-Sultan, Maħsud għax Kien Mitluf fis-sbuħija tagħha, Niżel Għarkupptejh Jitlobha maħfra.

Il-Prinċipessa ma damitx ma welldet tarbija u din it-tarbija, għaġeb fuq għaġeb, ħarġet bħal missierha, mingħajr l-ebda xagħra fuq ġisimha. It-tobba stagħġbu meta raw dik ir-ras bħal bajda tiżloq ’il barra minn bejn iċ-ċirku xagħar iswed ta’ bejn koxxtejha, u l-istudjużi ħakku l-ġilda tal-qorriegħa ta’ rashom u għalxejn ippruvaw isibu tarf din il-problema permezz ta’ tifsiriet filosofiċi u tiswiriet matematiċi.

Kien fl-eqqel tas-sajf meta waslet l-aħbar li omm il-Prinċipessa kienet marida u f’xifer il-mewt. Il-Prinċipessa talbet is-Sultan biex tmur taraha iżda Dam Jaħsibha, għax Beża’ li barra l-palazz kienet fil-periklu li tinsteraq jew anke tinqatel minn xi vagabondi minħabba l-materjal prezzjuż fuq rasha. Wara li talbitu fuq li talbitu, fl-aħħar Raddilha l-Barka Tiegħu, u Ħallieha tmur sa raħal twelidha bi skorta ta’ għoxrin suldat u akkumpanjata minn dawk l-erba’ servi tagħha.

Kienet xena tal-għaġeb dik li laqgħet ħarset ir-raħħala jaħdmu fl-għelieqi maġenb it-triq – karozzella tal-fidda miġbuda minn tmint iżwiemel lewn il-ħalib u korteo twil ta’ servi u suldati. Mit-twieqi dehru munzelli materjal aħmar jerħu fwieħa qawwija, iktar qawwija minn dik tal-fjuri joħonqu l-għelieqi fuq kull naħa tat-triq.

Fir-raħal kulħadd inġabar madwarhom, bis-suldati jżommu n-nies lura, waqt li l-Prinċipessa daħlet fid-dar ta’ tfulitha, b’xagħarha jilħaq sa barra, fejn is-servi bl-ingwanti tal-bellus baqgħu mal-bieb iżommuh milli jmiss mal-art. Fit-triq ir-raħħala kurjużi mbuttaw biex jaraw u jmissu, u s-suldati tħabtu biex iżommuhom lura.

Fl-għafja tal-mewt, omm il-Prinċipessa talbet biex tkun waħedha ma’ bintha, u meta fl-aħħar tħallew waħedhom, b’nifisha maqtugħ stqarret dan li ġej:

“Binti, li se ngħidlek missni għedthulek ħafna snin ilu, iżda bżajt, u issa m’għandix għalfejn nibża’ għax dalwaqt nitlaq minn din id-dinja. Ma rridx li dan is-sigriet jibqa’ magħqud bħal ponn ġewwa sidri. Binti, darba waħda ftit qabel ma żewwiġt lil missierek, kont miexja lura mill-għalqa meta rajt riesaq lejja raġel twil liebes kappell kbir li qatt ma kont rajt bħalu qabel. Wara li talabni nurih it-triq barra mill-wied neħħa l-kappell minn rasu u kixef mewġa ħarir aħmar preċiż bħal tiegħek, u saħħarni ... ”

Nefħet l-aħħar nifs ta’ ħajjitha f’wiċċ bintha.

Il-Prinċipessa bkiet u bkiet, u n-niket tagħha ma kienx biss għall-mewt ta’ ommha. Imbagħad ħarġet mid-dar żgħira, għannqet lil missierha, daħlet fil-karozzella, u telqet lura lejn il-Belt Irjali.

Issakkret fil-kamra tagħha fil-palazz, waħedha tolfoq id-dmugħ li tebba' t-tapit artab ta’ xagħarha. Barra l-bieb, is-Sultan, żewġha l-Prinċep, is-servi, kollha talbuha biex tiftħilhom, iżda hi wkoll talbithom xi ħaġa, biex iħalluha bi kwietha, u fl-aħħar ma baqgħetx tweġibhom. Għalxejn ħabbtu mal-bieb u għajtu isimha.

Raqdet u ħolmot li bosta nies bl-istess ħarir bħal tagħha fuq rashom ta’ kull lewn u ta’ kull għamla kienu msakkrin fil-kamra magħha, jiżfnu fuq it-tapit ta’ xagħarha. Għarfet stramberija wara l-oħra fix-xagħar taż-żeffiena. Kien ta’ lwien varji, u wħud minnhom kellhom xagħarhom qasir, irrakkmat u irranġat bħall-ħaxix u l-arbuxelli fil-ġonna tal-palazz. Resqu lejha jitbissmu bi skieken f’ħalqhom u ntelqet lura tħallihom jagħmlu biha li jridu, u b’hekk qaxxrulha xagħarha kollu minn rasha sal-ponot ta’ subgħajha. Issa inti ħielsa, qalulha, hekk kif għebu mill-ħolma, u stenbħet għat-tisbit fuq il-bieb li tfarrak ’il ġewwa biex jidħlu jgħajtu suldati, servi, il-Prinċep, u s-Sultan.

Xi jiem wara, meta d-dmugħ kien nixef ma’ ħaddejha, ikkmandat is-servi biex iġibulha mus, xafra, u mera, u wissiethom ma jgħidu ’l ħadd. Iżda s-servi l-ewwel u qabel kollox kienu leali lejn is-Sultan, u marru dritt Għandu u qalulu b’kollox. Is-Sultan Ѕejjaħ numru ta’ suldati biex jaqbdu ’l-Prinċipessa u jorbtuha ma’ wieħed mill-erba’ pilastri tas-sodda matrimonjali. Meta waslulu l-kelma li kienu għamlu li Talabhom, Mar Iżurha.

“Eħlisni Sultan tiegħi!” bkietlu, iżda l-ilfiq tagħha ħallieh biered.

“M’għandekx dritt teqred dak li huwa don mhux biss tiegħek iżda tar-Renju kollu,” Qalilha, u ħasadha l-mod awtorevoli kif Kellimha. Hu li minn dejjem Kien Idur biha bil-ħlewwa issa Ta l-kmand biex tibqa’ marbuta mas-sodda bħala penitenza.

Ġara li dak iż-żmien inqala’ l-inkwiet mal-kosta fit-Tramuntana: nies minn pajjiż imbiegħed ġew bi xwieni kbar u niżlu fuq l-art. Kienu ħafna, skont rapporti varji, u ħallew ħerba warajhom kull fejn marru, ibiċċru n-nies tal-post, jagħtu n-nar ’il-irħula u ’l-għelieqi, jaħtfu t-tfal u n-nisa. L-aħbar waslet sal-Belt Irjali, u fuq is-Sultan waqa’ niket kbir, iżda mhux kbir daqs in-niket li ħakem lill-Prinċipessa meta semgħet li n-nies mill-pajjiż imbiegħed kienu kollha lebsin kpiepel kbar.

Kienet mistennija. Ir-Renju tas-Sultan kien paċifiku, u l-armata tan-nies bi kpiepel kbar feroċi. F’temp ta’ ġimgħa waslu sal-bibien tal-Belt Irjali u kkmandaw lis-Sultan biex iċedilhom il-Belt u kulma kien hemm fiha. Il-popolazzjoni mwerwra setgħet tobsor x’kien hemm taħt il-kpiepel tal-għadu: u ġriet il-kelma li biex jerġgħu lura lejn pajjiżhom kulma riedu kien li taqa’ taħt idejhom il-Prinċipessa. Iżda s-Sultan ma Riedx Iċedi, u Ħejja l-armata Tiegħu għall-assedju.

Intant, il-Prinċipessa kienet għadha priġuniera fil-kamra tas-sodda. Saru l-arranġamenti biex tintbagħat ’il bogħod mill-palazz u mill-belt ħalli tistaħba xi mkien fejn l-għadu ma setax isibha, għaliex is-Sultan ukoll, bħall-ministri Tiegħu, u bħall-popolazzjoni kollha, Kien Ċert mill-fatt li l-għadu bi kpiepel kbar ħaġa waħda ried anke jekk ma kienx qed ileħħen xewqtu.

Fid-dlam tal-lejl ħelsuha mill-għoqdiet li rabtuha mas-sodda. B’mod goff, billi l-ħin kien qed jagħfas, ġeżżewha għax b’dak ix-xagħar kollu żgur kienet tagħti fil-għajn, u taħt skorta ta’ erba’ kavallieri lebsin ta’ tallaba, għaddew minn passaġġ sigriet ’il barra mill-ħitan tal-belt u ħarbu lejn il-muntanji u l-foresti tal-Antipodi tan-Nofsinhar fejn jingħad li kull min jistaħba qatt ma jerġa’ jinstab, lanqas minnu nnifsu.

U b’hekk għebet minn din il-ħrafa l-Prinċipessa tax-xagħar aħmar. Ħalliet warajha fil-palazz kamra mimlija sa fuq bix-xagħar, li nġabar u beda jiġi meħjut mill-aqwa ħajjata tas-Sultan f’libsa tal-għaġeb li l-Prinċep ried iħejji għal martu, il-Prinċipessa tiegħu, għal meta terġa’ lura fi ħdanu, anke jekk il-libsa kienet għadha biss nofsha meħjuta meta l-għadu beda jfarrak il-ħitan tal-palazz b’balal kbar tan-nar, u n-nirien kienu bdew jaħkmu l-purtieri u t-twapet fis-swali ta’ ġewwa tal-palazz, u x-xwabel diġà x-xhur jitħabtu ma’ xulxin ...




Illustration by Noel Tanti

The story may not be reproduced as a whole, or in part, without prior permission from the author.

No comments:

Post a Comment