Thursday, May 24, 2012
Dik Sajda! - Anthony Cordina
Għodwa waħda Manwel ikun għaddej tul ix-xatt ta’ San Ġiljan meta fuq il-moll ta’ taħtu lemaħ tfajjel, li ma kellux aktar minn għaxar snin, bilqiegħda fuq banketta, b’qasba f’idu jistad għall-mulett. Ħdejh, fil-barmil, kellu biċċa ta’ ħuta daqsiex. Kien fiha mal-ħamsa u erbgħin ċentimetru. Mal-lotta ta’ bejn ħajja u mewt - biex forsi teħles minn dak l-għawġ li ħabta u sabta sabet ruħha fih bla mistenni - fis kont tintebaħ li kienet għadha kemm tinqabad.
‘Forsi xi kaplat?’ staqsa bejnu u bejn ruħu Manwel, waqt li waqaf u ltewa ftit fuq ir-railings biex jedha ftit mill-ħsibijiet li kienu għoddhom għawrulu l-ġewwieni ta’ qalbu. Qajla kellu moħħ dik is-sajda li kien għadu kemm għamel dak it-tfajjel.
‘Ma nistgħux noqogħdu aktar f’dawk iż-żewġ gabubiet li għandna! Ma jistax ikun li ibni l-waħdieni jkollu jitrabba mal-kunjata. Imma? ... Kif nista’ naffordja kera ta’ mitejn u tlieta u tletin ewro fix-xahar? Dawk l-appartamenti li għadhom kemm telgħu huma sbieħ, kieku ... IMMA mhux għal bwietna.’ U ħsibijietu għaddew minn qalb il-garigori ta’ moħħu bħal nixxiegħat għaddejja minn qalb mergħat u msaġar kotrana.
Mitluf fi ħsibijietu ma ntebaħx b’koppja anzjana Ingliża li kienet għaddejja minn fejnu.
“Ara dak it-tfajjel kemm hu kattiv! Ma kienx biżżejjed li qabad l-imsejkna ħuta? Imma, ara ftit xi jtiha max-xifer tal-barmil,” bdiet tgħid il-mara ‘l żewġha.
“Isma’ minni u tindaħalx,” qatgħalha żewġha.
“Mhux ma nindaħalx, imma.......” weġbitu fil-pront, u marret fuq Manwel.
“Sinjur, int taf titkellem bl-Ingliż?” staqsietu.
“Iva, x’għandkom bżonn?” staqsihom Manwel xi ftit jew wisq maħsud.
“Tagħmilli pjaċir u tmur tgħid ’il dak it-tfajjel li rrid inkellmu?” staqsietu.
“Għal daqshekk ... Ħaġa żgħira, Sinjura.” weġibha.
“Boy! Hawn dis-sinjura ... trid tkellmek,” beda jgħidlu Manwel.
“Sissy, qiegħed niddejjaq tafx, issa. Kemm inti defsa, ħej! Għalxejn ngħidlek biex ma tindaħalx fejn ma jesgħakx.” reġa’ żewġha, waqt li beda josserva kemm dik il-ħara hija storbjuża bit-traffiku u ma ddarrasx ftit meta, mal-mogħdija, jilmaħ dak li warajhom iħallu l-klieb meta kmieni filgħodu joħorġu għal dik il-passiġġata.
Medhi kif kien, it-tfajjel qajla ta widen għal dak li beda jgħidlu Manwel.
‘Forsi kien xi daqsxejn trux?’ ħasbet Sissy, waqt li qabdet u niżlet dawk it-turġien li minn fuq il-bankina jagħtu għal fuq il-moll.
Għad-dehra tagħha t-tfajjel ħassu jitgerrex.
“Sir, can you tell him that I want to talk with him, please?” reġgħet staqsiet Sissy lil Manwel.
“Yes! I can!” wieġeb Manwel u bis-santapaċenzja kollha niżel ħdejn it-tfajjel u, waqt li misslu spalltu, bil-ħlewwa kollha beda jgħidlu, “Ħabib, dis-sinjura, trid tkellmek. Isa, agħti widen għal dak li se tgħidlek ...”
Harset it-tfajjel ġriet fuq Manwel, u mbagħad fuq dik is-sinjura liebsa kowt tal-mink, ‘Mela, tal-flus!’ ħaseb it-tfajjel, u tbissima feġġet fuq wiċċu.
“I want to buy that miserable fish,” qaltlu s-sinjura Ingliża.
“Fhimtha! Fhimtha! Trid tixtri l-ħuta!” għajjat it-tfajjel, u reġa’ tbissem.
“One hundred euro, for you, Madam!”
Dikment, dik is-sinjura, fetħet il-portmoni u minnu ħarġet mitt ewro sħan sħan.
Issa l-ħuta kienet tagħha! Ma qagħditx taħsibha darbtejn; qabditha u tefgħetha lura mnejn kienet ittellgħet ftit qabel.
Il-mara dehret kuntenta li kienet għamlet opra ta’ karità ma’ dik l-imsejkna ħlejqa. Żewġha kellu jikkuntenta b’dik il-manifestazzjoni ta’ martu u jkattar is-sabar li kien għoddu tilfu! Imma?
Imma dak is-sinjur Ingliż, bilkemm kien għadu laħaq mexa sitt passi minn fejn kien hemm it-tfajjel jistad li, sieq minnhom, ma tmurx fuq ċappa ċappun minn dawk li jħallu warajhom il-klieb fil-bikri ta’ kull għodwa ġdida.
Addiju sabar u addiju mixja max-xtajta ta’ San Ġiljan. Għax beda jisħet dik is-siegħa u dak il-mument li fettillu jwebbel ‘il martu Sissy għal dik il-passiġġata li minn Font Għadir ħadithom sa San Ġiljan.
It-tfajjel ferħan se jtir qabad il-qasba, il-banketta u l-barmil, sellem ‘il Manwel, u rħielha lejn id-dar ta’ nanntu.
“Din l-għodwa qatt ma kont noħlomha. Lanqas kieku mort narma s-suq ma kont immur tajjeb daqshekk!” qal bejnu u bejn ruħu, u wiċċu reġa’ xegħel bil-ferħ.
Manwel reġa’ ntilef fi ħsibijietu ...
‘Imma jien ma nistax naffordja dik il-kera kollha ... IMMA?
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment