Anthony Cordina
“Fejn hi dik il-pipa?” beda jgħid Belen ’l oħtu Mikelina.
Ma seta’ jsibha mkien! Fittex ’l hawn u fittex ’l hinn; dan it-tiftix kollu kien għalxejn għax din il-pipa ma setgħet tinstab b’ebda nemes.
“Ara, issa, dejjaqtni tafx, ħi; iddur u tagħqad mad-dar qisek mekkuk! Aħjar tħalliha u forsi tiġi weħidha,” qatgħetlu fl-aħħar oħtu Mikelina, għax bdiet tiddejjaq b’ħuha l-ħin kollu jfekren ma’ sieqha.
“Ara, jien, se mmur sat-titotla … għal nofsinhar, inkun hawn, Mikelin,” qalilha u telaq.
Oħtu, dak li riedet biex tkun tista’ tkompli mal-faċendi u l-qadi. Lestiet dawk iż-żewġ qadjiet li kellha tagħmel għand Spiru l-Landier u għand Toninu l-Ħajjat, u reġgħet lura f’darha. Issa li l-borma kienet ilha fuq in-nar ma kellhiex x’tagħmel aktar għajr li toqgħod bilqiegħda fuq il-pultruna tan-Nanna Perpetwa, u toqgħod issegwi dak li kien għaddej fuq ir-radju.
Belen u oħtu Mikelina kienu joqogħdu f’terran, fil-misraħ tar-raħal tefgħa ta’ ġebla bogħod mill-knisja u t-titotla ta’ Rafel.
Fir-Raħal ta’ Belen kont issib minn kollox, mill-iskarpan sal-landier. Ma’ dawn kellek il-ħanut tal-merċa ta’ Dovik u l-ħanut tal-laħam ta’ Kolinu l-Biċċier, u wkoll, maż-żmien, kienu fetħu żewġ pubs għaż-żgħażagħ.
Imma, l-aktar li kienet imfittxija, kienet it-titotla ta’ Rafel. Kien imfittex bil-wisq aktar mill-każin tal-banda. Għandu kienu jintefgħu kemm xjuħ u kemm żgħażagħ.
It-titotla kien il-post fejn wieħed jitkellem fuq kollox. Barra l-pulitka u l-kliem ħażin. Rafel raġel tal-knisja. Raġel sewwa kemm tridu, imma ara ma jiftillekx iżżarrat xi waħda għax kont ixxellef difrek miegħu bl-ikreh. U la darba Rafel irid mingħand kulħadd, ma riedx jitlef il-klijenti u l-parruċċani, u ’l min ikun se jaqbadha fuq il-pulitka, dlonk jidħol huwa fin-nofs, u jwaqqfu minnufih.
“Ara, sieħeb, jien hawnhekk ma rridx pulitka …” dlonk jgħidlu. Ikollu raġun biex ibigħ.
Fit-titotla ta’ Rafel, ikun hemm ir-Rocky, kelb daqsiex, li kien ibeżżgħek jekk tħares lejh, imma dan ir-Rocky kien tabilħaqq kelb li jinbaħ u ma jigdimx. Jifraħ b’kull min jidħol fit-titotla. Ġolu l-Bennej, fuq dik il-ħbejża bil-perżut u l-ġobon u l-basla, kien iridha dik il-pinta nbid. Ir-Rocky jkun lublieb għal dik il-biċċa perżuta. Jarma jinbaħ. Ġolu, kelb bil-ġuħ jitimgħu. U trid tarah iwaddablu xi biċċa perżuta. Il-kelb itir għaliha bħal għafrit. Kien kelb iħobb lil min ifissdu kif ukoll jilgħab miegħu. Mhux darba jew tnejn ikun hemm xi pakkett tas-sigaretti vojt taħt il-mejda, u jmur jogħdos għalih.
Ma jdumx ma jinqala’ Belen. Ipejjep dik il-pipa li kien tah nannuh Fidiel.
“Hawn, Belen,” isellimlu kull min jinzerta fit-titotla.
“U, hekk u hekk,” iweġibhom.
Il-pipa tibda tarmi riħa ta’ tabakk; jinten seba’ pesti.
Rafel ma kien jgħid xejn, imma kien jitfantas bl-ikreh meta jkun hemm min jitlaq ’il barra minħabba l-pipa ta’ Belen.
B’din il-biċċa ma jdumux ma jsiru jafu Spiru l-Landier u Kolinu l-Biċċier, li kienu donnhom il-ħabel u s-satal. Dawn ma damux wisq jaħsbuha biex joħorġu bi praspura sabiex forsi Belen ma jibqax jidħol aktar b’dik il-pipa ddaħħan, tnitten post, u tnaffar lill-klijenti li jkollu Rafel fit-titotla. U Rafel, ta’ raġel twajjeb li kien, erħilu jinfiska f’demmu biex ma jiksirhiex ma’ Belen.
* * *
Mela, kien wasal il-ħin li Rafel jagħlaq it-titotla u jitlaq lejn daru. Spiru l-Landier u Kolinu l-Biċċier flimkien ma’ Belen kienu jħobbu jqattruha sal-aħħar! F’ħin minnhom, il-Biċċier jaljena ’l Belen waqt li dan ikun medhi jlablab mal-Landier fuq l-armar tal-festa tar-Raħal. Mingħajr ma jħallih jintebaħ, il-Biċċier jeħodlu l-pipa minn fuq il-mejda. Iqegħidhielu fuq is-siġġu ta’ ġewwa, waqt li Belen jidħol f’argument ma’ sieħbu Spiru.
“L-isbaħ pavaljuni għamilhom is-Sur Karm, Spir …”
“Belen, għalija, li kien għamel Patist kienu bil-qabda isbaħ … tinsiex li kien ħareġ sal-inqas ċenteżmu fuqhom … biex, imbagħad, ma laħaqhomx lesti għax kien ħalliena laħmu u xaħmu,” reġa’ l-ieħor.
U baqgħu sejrin hekk sakemm Rafel ġie fuqhom u qalilhom: “Għal-lejla se jkollkom taġġornaw, ħbieb tiegħi, għax il-ħin tiegħi sar, u Ċikka tkun qiegħda tistennieni, miskina.”
Ma’ kelmet Rafel sar l-aġġornament. U l-ħbieb tagħna sellmu ’l xulxin u kulħadd telaq lejn daru.
Il-pipa li xi darba kienet tan-Nannu Fidiel spiċċat f’ħalq ir-Rocky u Alla m’għamilha!
Jista’ jdum ifittixha Belen! Kellu jitqanna’ bir-riħa tagħha. U povra oħtu Mikelina għax ma qagħditx waqt wieħed bi kwietha.
Grazzi lil Salvu ghall-qari tal-provi.
No comments:
Post a Comment